Covid fl-Istorja
Pjattaforma għall-mużewijiet madwar l-Ewropa
Dar l-Istorja Ewropea nediet proġett ta' ġbir ta' evidenza tal-ħajja fl-Ewropa matul il-pandemija, taħt it-titolu ta' ħidma "Dokumentazzjoni tal-Covid". S'issa dan iffoka primarjament fuq il-fenomeni ta' solidarjetà, tama u bini tal-komunità. Bħala l-pass li jmiss, qegħdin naqsmu l-esperjenzi u r-riżultati minn varjetà ta' azzjonijiet kollettivi differenti tal-mużewijiet. Flimkien dawn jippermettulna nikkollegaw, nikkonfrontaw u nqabblu l-esperjenzi tal-udjenza fil-kontinent kollu.
Royal Albert Memorial Museum, ir-Renju Unit – Eroj tal-Lockdown I
Jack Hopkins
Jack għandu ħames snin u jgħix f'North Devon – matul il-lockdown mexa 50 km biex jiġbor flus biex jgħin lill-NHS. B'kollox ġabar £1550. Mexa 5 km darbtejn fil-ġimgħa u, għalkemm ma kenitx faċli għalih, baqa' għaddej hekk kif ftakar "fit-tobba u l-infermiera meħtieġa biex jitwaqqaf il-virus". Innominat minn Katie Roberts
Mahi Ahmed
Mahi Ahmed kien il-fundatur tal-programm ta' għajnuna Coronavirus Hardship Relief tal-assoċjazzjoni Inclusive Exeter. Hekk kif il-prospett tal-lockdown beda jiżdied, Mahi beda jaħdem fuq il-pjan tiegħu li jwassal ikliet tajbin u nutrittivi lil persuni vulnerabbli madwar il-belt. Fi ftit jiem, inġabar madwaru tim ta' voluntiera b'kompiti differenti: koordinaturi, riċevituri ta' ordnijiet, xerrejja, koki u xufiera biex iwasslu l-ordnijiet. L-entużjażmu ta' Mahi ħakem lit-tim kollu u kulħadd ħassu motivat u mimli enerġija. Aktar minn 1,000 persuna bbenefikaw minn dan is-servizz, u rċevew ikliet u/jew pakketti tal-ikel, kollox bis-saħħa tal-viżjoni u l-istinkar ta' Mahi. Li kien għalih, kull membru għandu jiġi nnominat iżda għalina huwa jibqa' l-Eroj tal-Lockdown tagħna. – Innominat minn Alan Quick
City Community Trust (Il-Fond Fiduċjarju Komunitarju tal-Belt)
Is-CCT, li taħdem fi sħubija mal-Exeter City Football Club, hija l-istituzzjoni tal-karità ewlenija għas-saħħa u l-benessri f'Exeter u tipprovdi firxa ta' attivitajiet għall-persuni ta' kull età, b'enfasi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni, il-benessri u l-attività fiżika. Matul il-kriżi tal-Covid-19, is-CCT iffukat fuq is-sostenn għas-servizzi ta' sostenn ġewwa Exeter u East Devon. Matul Mejju s-CCT irrispondiet għal talbiet biex jitwasslu provvisti u mediċini lil dawk l-aktar vulnerabbli fil-komunità u taw appoġġ lil persuni f'iżolament u vulnerabbli – Jamie Vittles, Andy O'Doherty u t-tim kollu tas-City Community Trust ġew innominati minn Cllr Peter Holland.
Marilyn Laws
Sa mill-aħħar ta' Marzu, Marilyn Laws ġabret aktar minn £1000 għall-Children's Hospice South West u b'riżultat ta' dan hija wasslet sens ta' sigurtà lill-komunità. Marilyn użat il-provvisti tal-ħjata kollha li kellha biex toħloq firxa ta' maskri għall-komunità, u fil-proċess ġabret flus għal organizzazzjoni fejn tfal morda b'mard terminali ikunu jistgħu iqattgħu l-aħħar jiem ta' ħajjithom matul il-lockdown. Il-ġenerożità tan-nies kienet inkredibbli. Mhux biss f'terminu ta' donazzjonijiet iżda wkoll f'għajnuna għal Marilyn fil-missjoni tagħha li tqassam il-maskri. Il-missjoni ta' Marilyn għadha għaddejja! – Innominata minn Simon Tootel
Paul Mouland
Paul Mouland, it-tim tal-Freemoovement u l-voluntiera tagħhom kienu qed iwasslu, permezz ta' roti u karrijiet, ikliet sħan lil persuni mingħajr dar, kif ukoll mediċini, kotba mil-Librerija ta' Exeter, pakketti tal-ikel u provvisti essenzjali għal persuni li kienu jinsabu għaddejjin minn tbatija finanzjarja u emozzjonali. Huma stabbilew sħubijiet ma' diversi organizzazzjonijiet fil-komunità, inklużi ma' gruppi ta' twemmin differenti, bħal St Thomas Food Fight, St Thomas Medical Centre, biex insemmu xi wħud minnhom. Paul ħa l-inizjattiva li jospita laqgħat ta' emerġenza online dwar il-COVID-19 mad-distretti ta' St Thomas, Alphington u Exwick. Il-kontribut tagħhom għall-belt ta' Exeter kien enormi. – Innominat minn Chloe Pooley
Royal Albert Memorial Museum, ir-Renju Unit – Eroj tal-Lockdown II
Ħaddiema ta' Sostenn tal-YMCA ta' Exeter – Peter Hall
Il-ħaddiem ta' sostenn tal-YMCA ta' Exeter, Peter Hall, huwa l-Eroj tal-Lockdown tagħna. Peress li l-31 żagħżugħ u żaġħżugħa li nospitaw jgħixu fl-akkomodazzjonijiet soċjali tagħna tilfu n-networks, ir-rutina u l-konnessjoni komunitarja tagħhom, Peter għamel minn kollox biex jgħinhom. Huwa mar lil hinn mid-doveri tiegħu biex jgħin liż-żgħażagħ – dar il-bini, ikkalma l-biżgħat u żamm kuntatt mill-bogħod – biex jiżgura li ż-żgħażagħ jifhmu li ma kinux waħedhom.
Ħaddiema ta' Sostenn tal-YMCA ta' Exeter – Lydia Brown
Hekk kif beda l-lockdown fit-23 ta' Marzu, il-ħaddiema ta' sostenn tal-YMCA ta' Exeter, Lydia Brown, kienet disponibbli 24/7 biex twieġeb mingħajr tlaqliq u b'kuraġġ liż-żgħażagħ li spiċċaw jitħabtu mal-impatt tal-lockdown fuq is-saħħa mentali tagħhom. Hija wasslet resident l-isptar, u kkjujat għal sigħat twal biex tiġbor il-mediċini għal residenti oħrajn. Ħafna resident riedu biss jitkellmu magħha ta' kuljum, kemm binhar kif ukoll billejl, għax kienu jafu li Lydia kienet se tkun hemm biex tgħinhom. Għalina lkoll fil-YMCA ta' Exeter, Lydia hija eroj tal-lockdown.
Ħaddiema ta' Sostenn tal-Exeter YMCA - Sarah Griffiths
Hekk kif faqqa' l-COVID-19, Sarah Griffiths weħidha ħadet ħsieb li żżomm l-akkomodazzjoni soċjali tal-YMCA ta' Exeter nadifa tazza għall-31 żagħżugħ u żagħżugħa ospitati hemm. Hija marret lil hinn mid-doveri tagħha u poġġiet saħħitha f'periklu biex tiżgura li l-virus ma jitħalliex jinfirex. Ibda mit-tindif bla tmiem tal-mankijiet komunali, u kompli bl-iżgurar metikoluż li l-kmamar tal-banju jibqgħu ħielsa mill-mikrobi, Sarah uriet kuraġġ kbir u ġentilezza liema bħalha lejn iż-żgħażagħ kollha tagħna. Għalina lkoll fil-YMCA ta' Exeter, Sarah hija eroj tal-lockdown.
David Spicer
Il-ħabib kbir tiegħi David Spicer huwa Eroj tal-Lockdown għaliex ta' kuljum, għall-ewwel ħamsin jum tal-lockdown, ħoloq kompetizzjoni fuq l-internet "Guess the song" (Aqta' d-diska), billi daqq ġabra ta' diski popolari fuq it-tastiera tiegħu għan-numru kbir ta' nies li kienu jsegwuh. Wara ftit din il-kompetizzjoni saret importanti ħafna għal sħabu kollha u għall-familja tiegħu peress li kienu jistennew bil-ħerqa l-mument li fih jiddiskutu d-diska flimkien online. Irnexxielu jġib tbissima fuq fomm kulħadd f'perjodu diffiċli ħafna meta n-nies kienu mbeżża' u maqfula fi djarhom. Id-diskorsi żgħar tiegħu, iċ-ċajt u l-ħiliet tiegħu fuq it-tastiera kienu avveniment ta' kuljum u għenu biex il-lockdown jeħfief. – Innominat minn Dax Oliver
Sammy Hartstein
Sammy għandu 16-il sena u kien voluntier regolari għat-tim ta' Rispons ta' Buckfastleigh, u għen biex iwassal pakketti tal-ikel għall-bank alimentari. Huwa libes il-maskra u l-ingwanti tiegħu u ġarr kaxxi kbar ta' provvisti għal persuni li kellhom bżonn appoġġ, spiss f'temperaturi sħan. Minbarra l-konsenja tal-ikel, wassal ukoll kotba biex jgħin lil nies f'iżolament biex jiksru l-monotonija tal-lockdown. Huwa għamel dan kollu waqt li kien għaddej minn żmien ikrah minħabba l-mewt ta' nanntu, is-solitudni tal-lockdown, u l-inċertezza dwar il-GCSEs tiegħu. – Innominat minn Helen Hartstein
Irish Linen Centre & Lisburn Museum – "Covid 19 and Me" (Ċentru tal-Għażel Irlandiż u l-Mużew ta' Lisburn - "Il-COVID-19 u Jien")
Il-persunal u l-president tal-Kunsill Muniċipali ta' Lisburn u Castlereagh bi strixxun floreali tal-NHS
Dan l-istrixxun floreali, iddedikat lis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa (NHS), ittella' mill-persunal tal-Kunsill Muniċipali ta' Lisburn u Castlereagh fil-Ġonna storiċi tal-Kastell li jmorru lura għas-seklu 17.
Ħanut bis-saraċineska magħluqa, iċ-Ċentru tal-Belt ta' Lisburn, Marzu 2020
Minħabba l-lockdown nazzjonali, f'Marzu 2020, il-ħwienet ġew ordnati jagħlqu. Ħafna nies kienu inkwetati ħafna bil-pandemija, u s-sidien tal-ħwienet spiss ħallew kliem ta' inkoraġġiment esposti fuq is-saraċineski tan-negozji magħluqa tagħhom, inkluż dan – "Take care and stay safe" (Ħudu ħsieb u ibqgħu sikuri). Lisburn Turkish Barbers (Barbiera Torok
Maskra tat-tfal magħmula mill-għażel
L-għażel huwa materjal b'saħħtu, ħafif u faċli biex jinħadem u jgħin biex iżomm l-indewwa 'l bogħod. Huwa wieħed mill-aqwa drappijiet għall-maskri jew koperturi tal-wiċċ. Fl-Irlanda ta' Fuq, l-użu tal-maskri fi spazji pubbliċi magħluqa sar obbligatorju biex jitnaqqas l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19.
Sanitizzatur tal-idejn tal-alkoħol, April 2020
Fl-ewwel jiem tal-pandemija kien hemm domanda qawwija għas-sanitizzaturi tal-idejn b'bażi ta' alkoħol. Ħafna distilleriji waqfu l-produzzjoni tal-ispirti u minflok bdew ibigħu l-ġellijiet tal-idejn tagħhom taħt il-marka tad-ditta. Shortcross Gin jinsab ftit 'il barra minn Crossgar, fil-Kontea ta' Down, u biegħ il-prodotti tiegħu online.
Arkivju MAS u Felix, Antwerp, il-Belġju – "Corona-archives (Arkivju Corona)"
Strixxuni fil-ħabs ta' Antwerp
L-impjegati u l-ħabsin tal-ħabs f'Begijnenstraat għamlu erba' strixxuni. B'dan il-mod huma bagħtu messaġġi ta' solidarjetà u empatija – u xewqat ta' saħħa għal kulħadd.
15 ta' Marzu – 16 ta' Mejju 2020
Kollezzjoni: MAS, inv. nr. MAS.0328.002
Ġinnastika urbana
"Beerschot Atletiek" u "Buurtsport Kiel en Hoboken" żviluppaw mogħdija għal taħriġ fiżiku fil-viċinat ta' Kiel. Huma jissuġġerixxu eżerċizzji għal kulħadd f'postijiet pubbliċi differenti, bl-użu ta' bankijiet, turġien, eċċ.
20 ta' April 2020
Mixja tul il-Meir
Il-ħwienet fit-triq kummerċjali tal-Meir reġgħu fetħu wara t-tmiem tal-lockdown. Il-bejjiegħa ħadu diversi miżuri ta' sikurezza. Il-muniċipalità ħolqot sinjali tat-triq biex tippermetti l-kontroll tal-folla u tiżgura t-tbegħid fiżiku.
31 ta' Marzu 2020
Kollezzjoni: FelixArchief, inv. nr. 2876#82
Iftar "fuq ir-roti"
Matul dan ir-Ramadan ma kienx possibbli li ssir iċ-ċelebrazzjoni tal-"Iftar" – il-ksur tas-sawm wara nżul ix-xemx. Għalhekk xi moskej, bħall-Moskea El Fath, wasslu ikliet għall-Iftar bir-rota lil persuni li kienu waħedhom jew foqra.
12 ta' April – 13 ta' Mejju 2020
Kollezzjoni: FelixArchief, inv. nr. 2920#6
't Akkoord iddoqqu għal De Fontein
Peress li l-anzjani spiċċaw l-aktar vittmi vulnerabbli tal-coronavirus, ħafna residenti taċ-ċentri ta' kura u ta' appartamenti b'servizz kellhom jibqgħu d-dar. Il-grupp mużikali 't Akkoord iddeċieda li joffri ftit distrazzjoni mużikali lir-residenti permezz ta' kunċert quddiem ir-residenza De Fontein b'rispett sħiħ tat-tbegħid fiżiku.
10 ta' Mejju 2020
Kollezzjoni: FelixArchief, inv. nr. 2893#2
Il-mużew Nazzjonali tal-Litwanja, il-Litwanja – "Who Will Tell the Story of COVID-19 in the Museum in the Distant Future?" (Min se jirrakkonta l-istorja tal-COVID-19 fil-Mużew, fil-futur imbiegħed?)
Il-kompożizzjoni "Ansjetà" tal-kompożitriċi Zita Bružaitė
Meta tħabbret il-kwarantina fis-16 ta' Marzu, il-kompożitriċi Zita Bružaitė bdiet tikkomponi x-xogħol mużikali l-ġdid tagħha, "Ansjetà" (Lit. Nerimas). Hija ddedikat mill-inqas nofs siegħa kuljum biex taħdem fuq dan ix-xogħol. Il-manuskritt tal-kompożizzjoni mogħti minn Bružaitė lill-mużew jirrifletti d-diversi sensazzjonijiet u kundizzjonijiet li l-artista kienet għaddejja minnhom ta' kuljum fil-kwarantina.
T-shirt
Gintautė qattgħet ħafna ħin id-dar u f'dan iż-żmien iffukat fuq il-passatemp favorit tagħha, ir-rakkmu. Hija staqsiet lil sħabha fuq Instagram x'kienet tfisser għalihom is-sitwazzjoni attwali, u wara rrakkmat tlieta u tletin storja ta' kwarantina fuq T-shirt qadim. L-istejjer jirriflettu ideat simboliċi differenti, elementi nostalġiċi, u kwistjonijiet rilevanti bħat-toilet paper u r-respiraturi. Meta waħda minn sħabha talbitha tirrakkma xi ħaġa maġika, hija ddeċidiet li tinterpreta t-talba f'immaġni tal-"coronavirus f'vażett tal-ħġieġ". It-T-shirt ingħata lill-mużew minn Gintautė Riabovaitė.
Siġar taż-żahar taċ-ċirasa online
Ir-rebbiegħa hija ż-żmien meta l-poplu kollu ta' Vilnius imur fil-"ġnien ta' Sakura" biex jammira t-tiżhir tas-siġar. Madankollu, din ir-rebbiegħa, il-Muniċipalità tal-Belt ta' Vilnius, f'kooperazzjoni mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Telia, installat kameras fil-ġnien u organizzat xandira dirett fuq l-internet tat-tiżhir tas-siġar taċ-ċirasa ta' Sakura bil-għan li tillimita l-assemblej inevitabbli. Il-muniċipalità tal-Belt ta' Vilnius tat it-tabella informattiva lill-mużew.
Biljett minn Bali
F'Marzu 2020, meta l-fruntieri tal-parti l-kbira tal-pajjiżi ngħalqu f'daqqa, il-vjaġġaturi kienu qed jiffaċċjaw sfidi kbar. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Litwanja beda jorganizza titjiriet ta' ripatrijazzjoni mill-pajjiżi fejn kien hemm l-akbar għadd ta' ċittadini rreġistrati li nqabdu barra l-pajjiż. L-aħħar titjira mill-Gżira ta' Bali saret bejn it-28 u d- 29 ta' Marzu. Ugnė Karaliūnaitė, li rritornat id-dar fuq din it-titjira, tat il-biljetti tagħha lill-mużew.
Mudell għal tarki tal-wiċċ
Fil-bidu u matul il-firxa rapida ta' din l-infezzjoni virali, l-istituzzjonijiet tal-kura tas-saħħa Litwani ma kellhomx biżżejjed tagħmir protettiv, u l-akkwist ta' tagħmir protettiv kien sar kważi impossibbli. B'reazzjoni għas-sitwazzjoni, l-Iskola tar-Robotika żviluppat mudell għall-istampar 3D ta' maskra, li n-negozji u l-individwi użaw biex jistampaw aktar minn ħamsin elf tarka tal-wiċċ għall-ħaddiema tas-saħħa f'perjodu ta' żmien qasir ħafna. Paulius Briedis (VšĮ Robotikos mokykla) ta l-mudell lill-mużew.
Fondazzjoni Mużew tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni, Berlin, il-Ġermanja – "Il-komunikazzjoni fi żmien il-COVID"
Hamster package
Dan il-"hamster package" intbagħat waqt il-pandemija tal-coronavirus bħala rigal alternattiv f'għeluq snin xi ħadd, meta ma setgħux isiru żjarat fiżiċi. Il-pakkett kien fih żewġ rombli tat-toilet paper, pakkett għaġin kbir u bottijiet tal-ikel – oġġetti li kienu partikolarment utli fil-bidu tal-ewwel miżuri kontra l-coronavirus fil-Ġermanja. Ħafna prodotti fis-supermarkets kienu nbiegħu kollha. Il-pakkett intbagħat minn "Hamster Ltd., Hamster Street, Hamstern".
Amberg, 18 ta' April 2020
Kartolina b'ittra ta' ringrazzjament għall-pustiera
Id-Deutsche Post AG irċeviet din il-kartolina magħmula d-dar bħala "ringrazzjament" għall-pustiera, li kienu partikolarment taħt stress minħabba ż-żieda fil-volum ta' ittri u pakketti matul il-pandemija tal-coronavirus. Minħabba l-miżuri meħuda fil-ġlieda kontra l-coronavirus, ħafna familji żiedu bil-kbir l-ammont ta' oġġetti kkonsenjati fi djarhom. Minn dakinhar, il-kunsinni spiss twasslu mingħajr kuntatt. Il-kartolina tista' titqies bħala ġest u sinjal ta' solidarjetà mal-pustier, li kellha l-istess effett bħall-applaws ta' filgħaxija għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Il-kartolina turi l-Katidral ta' Cologne fi globu tal-borra.
Cologne, it-30 ta' Marzu, 2020
Djarju ta' żmien straordinarju
Il-ktieb, ippubblikat mill-artist Hasso von Henninges, jiġbor flimkien il-kontribuzzjonijiet ta' 20 awtur li jirrakkontaw l-esperjenzi, ir-rutini u l-impressjonijiet tagħhom ta' kuljum fil-perjodu tal-Coronavirus waqt ix-xhur ta' Marzu u April. Dawn il-ġimgħat kienu kkaratterizzati minn miżuri fil-ġlieda kontra l-coronavirus u l-awtoiżolament. Huma jiktbu l-ħsibijiet tagħhom, uħud minnhom miktubin bl-idejn, u oħrajn diġitalment. L-opra ta' 260 paġna kellha distribuzzjoni ta' 32 kopja.
Nuremberg, Marzu / April 2020
Kartolini waqt il-Corona
L-artista Susanne Schattmann nediet appell bil-posta, billi bagħtet kartolini qodma miżbugħa b'żebgħa akrilika lill-familja u lill-ħbieb, bit-talba li jibagħtuhomla lura wara li jiddisinjawhom. Aktar minn 50 persuna ta' kull età bagħtu lura l-kreazzjonijiet tagħhom. Il-motifi u t-tekniki tal-kartolini fil-kollezzjoni juru firxa sħiħa, ibda minn kuluri tal-ilma u ritratti, għal espressjonijiet u rappreżentazzjonijiet ikoniċi. Qed tiġi żviluppata wkoll "gwida tal-mappa", kif ukoll kanzunetta miktuba għall-okkażjoni.
Nuremberg, minn Marzu sa Ġunju 2020
Struzzjonijiet personalizzati għall-anzjani għall-użu tal-iSkype u l-iPad
Il-pandemija tal-coronavirus tat spinta lid-diġitalizzazzjoni. Minħabba r-restrizzjonijiet tal-kuntatt, il-parti l-kbira tal-iskambji personali qalbu diġitali. Għal din ir-raġuni, is-Sur Rauch xtara iPad għall-ġenituri tiegħu, li għandhom aktar minn 80 sena, sabiex ikun jista' jikkomunika magħhom wiċċ imb wiċċ. Peress li l-ġenituri tiegħu ma kellhom l-ebda esperjenza bil-kompjuters, bl-ismartphones jew bl-internet, binhom ħoloq struzzjonijiet pass pass u bagħathom lill-ġenituri tiegħu bil-posta flimkien mal-apparat. Fihom jispjega kif għandu jintuża l-apparat u s-servizz ta' messaġġerija istantanja, Skype.
Dortmund, it-22 ta' Marzu, 2020
Gallery Oldham, ir-Renju Unit – "Oldham's Lockdown Museum"
Tandle Hills
Minn parks, ċentri tal-logħob u gruppi għat-tfal mimlija nies, għal għelieqi miftuħa, ħaxix għoli, sema u spazju. Tandle Hills kien u ser ikompli jkun is-santwarju tagħna. It-tfal jeħtieġu spazju ħieles bla limiti, ħin u logħob mingħajr ir-regoli tad-dar, l-adulti u d-dinja ta' madwarhom. Meta s-sitwazzjoni ma flaħnihiex aktar, dan hu dak li fejjaqna.
Infermiera fit-Taqsima tat-Tfal tal-isptar lebsin viżieri dekorati
Il-Mużew tal-Lockdown ta' Oldham huwa proġett diġitali li għandu l-għan li jiġbor stampa tal-ħajja fiż-żona waqt il-pandemija tal-COVID-19. Il-komunità lokali ntalbet tgħin biex dan iż-żmien jiġi ddokumentat u esplorat, sabiex ir-residenti attwali jkunu jistgħu jaqsmu kapsula taż-żmien diġitali ma' ġenerazzjonijiet futuri ta' residenti ta' Oldham.
Il-Mużew Nazzjonali tal-Liechtenstein, il-Liechtenstein – "Il-ħajja ta' kuljum waqt il-COVID-19"
Impressjonijiet minn Ruggell – "Kartelluni"
Uffiċċju postali tal-muniċipalità ta' Ruggell.
Fuq ix-xellug: informazzjoni dwar ħinijiet ta' ftuħ limitati, validi mill-20.04.2020. Qabel din id-data, l-uffiċċju tal-posta kien magħluq.
Fuq il-lemin: avviż u talba biex kulħadd iżżomm id-distanza u biex il-pagamenti ma jsirux bi flus kontanti jekk jista' jkun.
Historic England, ir-Renju Unit – #PicturingLockdown
Jenny McLean tfakkar lil Nidiya
Il-ġonna komunitarji ta' Boundary Way jinsabu mitejn jarda (183 metru) 'l bogħod mid-dar tiegħi. Ilbieraħ mort hemm u ltqajt ma' raġel Ġamajkan jismu Tony McLean u bdejna nitkellmu dwar dan il-proġett. Qalli li martu Jenny kienet qed tattendi l-funeral ta' Nidiya, l-akbar ħabiba tagħha, li kienet għadha kemm mietet bil-COVID-19. Tkellimt magħha dalgħodu u aċċettat li niltaqgħu fil-ġonna komunitarji u nitkellmu, għaliex hemmhekk issib ħafna solliev. Hi ħassitha kważi fiżikament marida meta attendiet il-funeral ta' ħabibtha, u bdiet tiftakar it-33 sena li matulhom Nidiya kienet l-ikbar ħabiba tagħha. Donnu li s-suwed u l-Asjatiċi huma l-aktar komunitajiet li ntlaqtu bil-marda fil-belt ta' Wolverhampton.
Ċapċipa għall-NHS
Wieħed mill-10 artisti kkummissjonati mill-proġett, Roy Mehta, għażel dan ir-ritratt biex jiġi inkluż fit-taqsima Għaxar Kwartieri ta' Londra. Huwa qal hekk: "Ir-ritratt li għażilt huwa: "Shuvaseesh Das, Clap for NHS London". Uħud mir-ritratti l-oħra għoġbuni wkoll, imma dan ir-ritratt jiġbor fih ir-realtà tal-lockdown għal ħafna nies. Il-qafas jippermettilna naraw lill-koppja f'kuntest, u ċ-ċapċip fil-gallarija jista' jirreferi biss għall-appoġġ attwali għall-NHS. Iċ-ċapċip, imħallat mal-bixra serja ta' wiċċhom, jagħmel immaġni qawwija.
Tixriba b'distanza soċjali
Divertiment fit-triq ta' wara d-dar, f'jum sħun tar-rebbiegħa. Żewġt iħbieb iwaddbu l-ilma lil xulxin, imxarrbin għasra u bil-bramel imbattlin. Id-daħk u t-twerżiq innoċenti tagħhom ifakkruna fil-jiem tal-passat, u dawk li għad jerġgħu jiġu.
Juliette, Juliette (il-ħsejjes tat-triq)
Hekk kif ir-rebbiegħa tilqagħna b'jiem aktar sħan u xemxija, il-mistrieħ fil-ġnien sar element ta' serħan għalija. It-taħlita tal-lockdown flimkien ma' għadd ta' sintomi qawwija fissret li dan l-ispazju estern żgħir u prezzjuż reġa' serva, għal darba oħra, bħala r-rifuġju sikur tiegħi; post biex terġa' tkun fid-dinja biss fil-forma tar-riħ jonfoħ, l-għana glorjuż tal-għasafar, il-ħsejjes tat-tfal jilagħbu jew għajnejja magħluqin fix-xemx tar-rebbiegħa. U madankollu hija meravilja li ngawdi dan ir-rifuġju ta' mistrieħ, meta tqis li ngħixu tant qrib ta' xulxin.
Qtugħ koinċidentali tax-xagħar
Qtugħ koinċidentali tax-xagħar fil-ġonna biswit xulxin ta' żewġ familji ġirien. Il-ġnien fuq il-lemin jappartjeni lill-fotografu tagħna Alun Bull.
Musée de la Vie wallonne, il-Belġju – "Stampi mill-Kriżi tas-Saħħa"
Maskra ta' protezzjoni
Din il-maskra tfasslet fil-kuntest tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19, minn Isabelle Mathieu, li tipproduċi l-kpiepel u hija bbażat f'Alleur. Din il-maskra ġiet żviluppata biex tippermetti l-komunikazzjoni ma' persuni torox, neqsin mis-smigħ jew muti. "Relab de Liège" ikkollaboraw fil-proġett billi pprovdew il-qtugħ tal-materjali bil-laser, li jiżgura li t-truf tad-drapp ma jiżżardux minn mal-viżiera.
Perth Museum & Art Gallery, l-Iskozja – "L-Esperjenza Lokali tal-COVID"
Daqshekk Skateboarding
Fil-bidu tal-lockdown tar-Renju Unit fl-aħħar ta' Marzu 2020, kważi kollox waqaf. Dan kien jinkludi l-forom ta' logħob tas-soltu. Dan huwa l-park tal-iskateboards, vojt, f'South Inch, Perth, l-Iskozja.
Leprechauns u Qawsalli
Malli beda l-lockdown u, konsegwentement, meta t-tfal bdew isegwu l-lezzjonijiet mid-dar, ħafna familji esprimew it-tamiet u l-ansjetajiet tagħhom permezz ta' xogħlijiet artistiċi ħelwin murija fit-twieqi tad-djar.
Graffiti Rules OK?
Minn madwar xahrejn minn meta beda l-lockdown bdew jitfaċċaw xi protesti ċajtiera apparti r-rispons empatetiku stabbilit. Dan il-graffiti sar taħt il-pont tal-A9 fuq ix-xmara Almond, f'Inveralmond, Perth, l-Iskozja.
Tpinġijiet bil-ġibs fil-lockdown
Matul il-lockdown, it-tfal reġgħu skoprew xi modi tradizzjonali biex jilagħbu qrib id-dar. Dan il-logħob u tpinġijiet bil-ġibs fuq il-bankini bdew jidhru f'diversi postijiet, f'dan il-każ fiċ-ċentru ta' Perth, l-Iskozja.
Ċagħaq Miżbugħ
Lejn il-fażi ta' tmiem il-lockdown, it-tfal bdew iħallu ċagħaq miżbugħ barra l-iskejjel tagħhom bħala turija ta' solidarjetà u empatija.
Dan jagħmel parti mill-hekk imsejjaħ "dudu tal-lockdown tal-familja" barra l-Iskola Primarja ta' Moncrieffe, Perth, l-Iskozja.
Mużew Fil-Beraħ Ungeriż, l-Ungerija – "Wirja Virtwali ta' Maskri"
Minn Budapest
Meta n-nies bdew jixtru l-prodotti kollha mill-ħwienet, jien ukoll xtaqt ikolli protezzjoni xierqa, bil-mod straordinarju tiegħi naturalment. Għażilt il-maskra tat-tabib tal-pesta medjevali bħala eżempju għalija stess. Kont konvint li jekk din il-maskra kienet ħadmet fil-Medju Evu, hija siewja llum il-ġurnata wkoll. Waslitli fil-ħin bl-eżatt, f'April. Għal ġimgħa, użajtha biex nagħmel ix-xiri, nimxi fit-toroq u nirkeb it-trasport pubbliku. Kull fejn kont, il-konverżazzjonijiet waqfu ħesrem, u n-nies madwari dehru mbeżżgħin. Il-fotografi professjonali għadhom qed iċempluli biex jieħdu ritratt tiegħi biha fit-toroq. Pandemija u mhux, in-nies qatt m'għandhom jitilfu s-sens umoristiku tagħhom, anki jekk ikun kemxejn morbuż.
Minn Mosonmagyarórvár
Dan kollu beda filgħaxija tat-13 ta' Marzu, meta tħabbar li mit-Tnejn ta' wara ma stajniex immorru l-iskola. Ikoll ħsibna li konna se nagħmlu ġimgħa jew tnejn... imma kellna żball.
Dawn il-maskri huma tal-għażel; kellna maskri kkuluriti għat-tfal u maskri bojod bi tliet saffi għall-oħrajn. Nittama li kollox jerġa' lura għan-normal dalwaqt. Issa li s-sitwazzjoni tjiebet, nistgħu nipparteċipaw fil-kampijiet tas-sajf fejn nista' nerġa' jkolli l-ħbieb madwari!
Minn Mezőkövesd
Il-maskra għat-tieġ tiegħi ħititha ħajjata lokali. Ma tantx kellna żmien, għaldaqstant mhix irrakkmata. Aħna familja b'għeruq Matyó, in-nisa ta' diversi ġenerazzjonijiet kienu jirrakkmaw ilbiesi u ornamenti sbieħ.
Iżżewwiġna fil-21 ta' Marzu f'Mezőkövesd, u l-għarusa tiegħi, Beáta Görzsöny, saret marti, Beáta Kiss. :) Minħabba l-miżuri ta' sikurezza ftit kellna mistednin dakinhar, kienet esperjenza stramba iżda wkoll memorja inkredibbli.
Minn Debrecen
Aħna qrajna fl-aħbarijiet lokali u fuq l-internet li l-gvern kien talab l-għajnuna taċ-ċittadini biex jinħietu l-maskri fid-djar. Bgħatna email biex irreġistrajna, irċevejna tweġiba pożittiva minn wieħed miċ-Ċentri Komunitarji ta' Debrecen, li tawna l-materjal kollu, l-istrixxi tal-gomma u l-mudell tal-maskra. Ix-xogħol innifsu kien pjuttost faċli. Żewġi pinġa d-disinn, ibni (li għandu kapaċità ta' xogħol imnaqqsa) qatagħhom u jien għamilt il-punt ħjata tal-aħħar. Fi ftit jiem ipproduċejna aktar minn 150 maskra. Kienet esperjenza divertenti, u siewja wkoll!
Museo Nacional de Antropología (Madrid), Spanja – "Proġetti dwar il-Covid"
Staqsejna lill-viżitaturi tagħna biex jibagħtulna ritratti libsin il-maskri. Dawn il-maskri huma obbligatorji u għaldaqstant jagħtu definizzjoni ġdida lill-uċuħ fl-ispazji pubbliċi. Lulju 2020
Matul il-fażi ta' konfinament, tlabna lill-pubbliku tagħna biex id-dar tiegħu jagħmilha f'mużew u jispjega l-"oġġett favorit" tiegħu f'filmat. Alfonso qalilna li l-kappell tiegħu ġablu bosta memorji ta' pajjiżu: il-Messiku. April-Mejju 2020
Matul il-konfinament, aktar minn 20 antropoloġist ikkollaboraw mal-mużew fejn offrew xi indikazzjonijiet dwar x'kien qiegħed iseħħ u liema bidliet fil-ħajja tal-bniedem jaf ikunu mistennija wara dan. Ippubblikajna l-artikli tagħhom fuq is-sit web tal-mużew. Din l-istampa tidher f'"Sospiż fi żmien ta' riflessjoni" ta' Álvaro Alconada.
Didaskalija tal-istampa "Tmissnix! Jaf għandi l-virus!" Mejju-Ġunju 2020
Fil-ġimgħat li matulhom in-nies Spanjoli kienu konfinati f'djarhom biex jevitaw li jimirdu bil-Covid, it-twieqi tagħhom kienu l-uniku mod kif jaraw x'qiegħed jiġri barra, fit-triq jew fl-akwati tagħhom. Għaldaqstant tlabnihom jibagħtulna ritratti tagħhom infushom. Dan ir-ritratt, mit-tieqa ta' Ana, juri kif, minkejja l-konfinament, xorta waħda tidher il-qawsalla. April-Mejju 2020
Tlabna wkoll lill-komunità tagħna tibagħtilna ritratti li juru kif irritornaw fl-akwati tagħhom wara li għal diversi xhur ma setgħux iżuruhom. Ángel bagħat ritratt tal-ewwel żjara fil-knisja wara perjodu twil ta' żmien. Ġunju 2020
Mużew Nazzjonali, Finlandja – "Ġabra ta' Ritratti"
Parteċipanti fl-avveniment ta' żfin Poikkeusliike ("Movimenti Eċċezzjonali") fid-distrett ta' Ruoholahti ġewwa Helsinki, 27 ta' Marzu 2020. In-nies ħadu sehem f'avveniment ta' żfin online madwar il-Finlandja kollha permezz ta' żfin għal 20 minuta fl-istess waqt f'post tal-għażla tagħhom.
Il-pittura fuq ħajt intitolata Superhoitaja ('Superinfermiera') hija ringrazzjament lill-infermiera għall-ħidma tagħhom matul il-pandemija tal-coronavirus. Il-graffiti ta' Molotow Finland hija marka ta' rispett għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa u tinsab fiż-żona ta' Konepaja tad-distrett ta' Vallila ġewwa Helsinki, 28 ta' April 2020.
Serata ta' kant għar-residenti tal-komunità tad-dar tal-anzjani ta' Loppukiri (‘High Point’) fid-distrett ta' Arabianranta ġewwa Helsinki, 19 ta' Marzu 2020. Ir-residenti 'l fuq minn 70 sena evitaw il-kuntatt fiżiku matul il-lockdown minħabba l-coronavirus.
Klassi tal-istudji ambjentali fil-Park Sinebrychoff għall-Klassi 3B tal-Iskola Ġermaniża ta' Helsinki (Deutsche Schule Helsinki), 26 ta' Mejju 2020. Uħud mill-klassijiet ħadmu barra filwaqt li oħrajn ħadmu ġewwa meta l-iskejjel reġgħu nfetħu f'nofs Mejju. L-għalliem ta' studenti bi bżonnijiet speċjali, Anmol Dogar, jinsab fl-isfond.
Minkejja l-coronavirus, l-organizzazzjoni Hurstin apu ("Hursti Aid") qassmet ikel lil persuni foqra u żvantaġġati fid-distrett ta' Kallio ġewwa Helsinki, 17 ta' April 2020. Minħabba l-lockdown, ma ntużawx aktar il-kjuwijiet iżda l-ikel tqassam meta n-nies ġew għalih. Il-karità tqassam pakketti ta' ikel u ħwejjeġ matul is-sena kollha lil dawk li għandhom bżonnhom u torganizza diversi avvenimenti.
Mużew tal-Etnografija, Slovenja – "Ġabra ta' ċajt relatat mal-coronavirus"
Meta tfaċċat il-pandemija tal-coronavirus, aħna fil-Mużew Sloven tal-Etnografija, bħala istituzzjoni soċjalment responsabbli, staqsejna lilna nfusna kif nistgħu nirrispondu għaliha u, fuq kollox, kif nistgħu ngħinu lin-nies f'sitwazzjoni partikolari. Iddeċidejna li nibdew niġbru ċajt li beda jdur bejnietna. B'dan ridna nagħmlu n-nies kuntenti u neħilsuhom mit-tħassib, biżgħat u ansjetajiet ta' kuljum assoċjati ma' mard, iżolament u solitudni.
Min-naħa l-oħra, ridna wkoll nirreġistraw is-sitwazzjoni fis-soċjetà b'ċajt li jagħmel parti mill-wirt kulturali spiritwali tagħna. Waħda miċ-ċajtiet tgħid li minħabba l-ammont ta' ċajt li għaddej, qatt ma kien hemm pandemija aktar ferrieħa. Jew li ċ-ċajt dwar il-coronavirus qiegħed jinxtered aktar malajr mill-virus innifsu.
F'xahrejn, ġbarna aktar minn 1 000 ċajta u bħalissa din il-ġabra qiegħda tintwera permezz ta' projezzjoni b'kompjuter fis-sala prinċipali tal-mużew u fuq in-naħa ta' barra tal-mużew, fejn kull ġimgħa niktbu ċajt ġdid. Għal-Lejla Sajfija tal-Mużew fl-20 ta' Ġunju 2020 qegħdin inħejju l-esibizzjoni "Koronski humor".
Mużew tal-Kontea ta' Monaghan, Repubblika tal-Irlanda – "Reġistrazzjoni tal-Esperjenza Tagħna"
Mużew tal-Etnografija, Ungerija – "Oġġetti tal-Kwarantina"
Maskra b'vjoli rrakkmati
"Bħala fanatika kbira tar-rakkmu, naf sew il-ħin li jeħtieġ jiġi investit; Nagħmel ħafna rakkmu wkoll fil-ħin liberu tiegħi. Il-maskra għandha żewġ saffi u hija maħduma bl-idejn. Għażilt il-vjoli bħala dekorazzjoni għal żewġ raġunijiet: hija waħda mill-ewwel fjuri li jiffjorixxu fir-rebbiegħa, eżattament fl-istess waqt meta l-pandemija tfaċċat fl-Ungerija; u min-naħa l-oħra għandha tifsira simbolika ta' twelid mill-ġdid u tama – il-ġlieda kontra l-virus."
Teknoloġija u Kreattività
"Żewġi u jien it-tnejn konna qegħdin nużaw it-telexogħol matul il-konfinament. Jiena għandi rutina ta' kuljum li hija kemm ibbilanċjata kif ukoll pjuttost bieżla. Xogħol żewġi però huwa aleatorju iżda s-superviżjoni hija stretta, hekk kif l-attività tiegħu fuq l-iskrin tiġi vverifikata minn ħin għall-ieħor. Madankollu, meta ma jkollux xogħol x'jittratta, u jkun jaf li hemm ħafna xi jsir fid-dar, dan jista' jwassal għal frustrazzjoni. Però sibna soluzzjoni fl-għamla ta' skewers. Filwaqt li nkun qiegħda naħdem, l-iskrin l-ieħor ikun mixgħul."
Ċentru tal-mejda
"Inħobb inqatta' ħini nkun kreattiva, speċjalment fir-rigward ta' dekorazzjonijiet. Din il-kreazzjoni saret bħala ċ-ċentru tal-mejda għall-Għid. Ilna ma naraw il-membri tal-familja tagħna għal ġimgħat sħaħ u saret rutina ta' kuljum insegwu l-aġġornamenti fuq it-televiżjoni dwar il-vajrus. B'mod partikolari naħseb li l-ġranet tagħna jistgħu jitjiebu b'daqsxejn sens ta' umoriżmu."
Maskri b'sinifikat
"Hekk kif il-pandemija tfaċċat fl-Ungerija n-nies xtraw maskri b'mod estrem u għaldaqstant iddeċidejt li tiegħi nagħmilhom jiena billi dik deherli li hija l-unika soluzzjoni. Kont qiegħda nfittex flokk tal-qoton tal-aqwa kwalità li mid-dahar tiegħu stajt noħloq sitt maskri.
Għalija hija stampa sinifikanti għax l-Italja hija l-pajjiż favorit tiegħi u fl-Ewropa kien l-ewwel pajjiż li kellu jiffaċċja l-virus. Hemm frażi Taljana "dare una mano" li tfisser tagħti daqqa t'id lil xi ħadd. Il-flokk għandu id nieqsa, simbolu litterali tal-għajnuna nieqsa li l-Italja kellha tirċievi mingħand dawk il-pajjiżi li t-turisti tagħhom huma bażikament il-klijenti ewlenin ta' dawn il-prodotti."
Tavla tal-mogħdija
"Din it-tavla tal-mogħdija saret parti ferm akbar mill-ħajja ta' kuljum tagħna f'dawn l-aħħar seba' ġimgħat minn kemm qatt kienet fl-għaxar snin preċedenti.
L-għoli tagħha huwa aġġustabbli u għaldaqstant hija perfetta biex fuqha jinżamm il-laptop matul il-klassijiet online tal-pjanu li t-tifel jattendi filwaqt li l-għalliem jara tajjeb ħafna mhux biss il-pożizzjoni iżda wkoll is-swaba'. Għal din ir-raġuni biss, kien ta' min jixtriha."
Mużew Nazzjonali, Danimarka - "Artefatti Diġitali matul il-Covid-19"
Morru lura d-dar
Matul l-Għid, żona lokali b'popolazzjoni baxxa esperjenzat żieda qawwija ta' nies li ħarġu jimxu fin-natura, minkejja li l-linji gwida fid-Danimarka indikaw konfinament id-dar. Residenti ħassitha pprovokata mill-iffullar tan-nies u għamlet tabella "Morru lura d-dar" u poġġietha fit-triq. Billi l-ġirien tagħha ma kinux kuntenti b'din it-tabella, fl-aħħar mill-aħħar neħħietha.
Mużew Vesthimmerlands, Danimarka – "Immaġni tal-Covid"
Infermiera
Kuljum il-mużew jiġbor rapporti ta' persuni li f'daqqa waħda jħossu li kollox inqaleb ta' taħt fuq. Charlotte Høj Opheim-Winje hija normalment infermiera ortopedika kirurġika, iżda fi ftit jiem ġiet imħarrġa mill-ġdid biex tieħu ħsieb pazjenti bil-coronavirus fl-Isptar ta' Farsø. L-istorja tagħha issa hija żgurata għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Netto
Qabel jidħlu fis-supermarkets u fil-ħwienet tal-merċa, il-klijenti huma mħeġġa jieħdu ħsieb xulxin u l-impjegati billi jżommu d-distanza. Barra minn hekk, il-ħwienet għarrfu lin-nies li ma hemm ebda raġuni għal akkumulazzjoni żejda billi l-prodotti għadhom jaslu kuljum. Is-sinjali u t-twissijiet huma parti importanti mid-dokumentazzjoni tal-mużew tagħna dwar sitwazzjoni speċjali ħafna. Aktar 'il quddiem, uħud minnhom jispiċċaw fil-ġabra tal-mużew. Barra minn hekk, il-mużew jikkollabora mal-uffiċċju tas-Sindku biex jikseb sommarji tad-deċiżjonijiet u dokumenti muniċipali importanti oħra.
Fatti
Sanitizzatur tal-idejn, ingwanti tal-plastik u sinjali li jindikaw kif iġġib ruħek fis-supermarket, inkluża l-kapaċità massima tal-ħanut. F'daqqa waħda x-xiri sar attività riskjuża u li ma baqgħetx bħal qabel.Bħalissa dan qiegħed jiġi ddokumentat mill-mużew, li jqis il-kriżi tal-COVID-19 bħala opportunità unika biex tiġi ddokumentata l-Istorja hekk kif tkun qiegħda tiġri. Għall-mużew huwa importanti ħafna li jiddokumenta l-bidliet kollha li għaddejjin.
La Fonderie, Belġju – "Konfinament intimu"
Karru tax-xiri
"Qabel", dan il-karru kien is-simbolu ta' xiri li "kellu jsir" fi tmiem il-ġimgħa, għad-detriment ta' impenji oħra ħafna aktar attraenti. Konna nkaxkru saqajna biex nagħmluha u konna nqisuha biss bħala attività ta' bżonn. Issa, fi żmien ta' konfinament, din tirrappreżenta mument ta' ħruġ u avventura.
Dryer tal-ħwejjeġ
Billi marti (li rrakontat il-karru tax-xiri) qiegħda telexogħol fil-kamra tagħna msejħa "l-uffiċċju", ninsab konfinat għas-salott, il-kamra tal-pranzu… Iżda l-uffiċċju tagħna, fil-ħajja preċedenti, intuża bħala: kamra tal-pjanu, kamra tal-kant, kamra tal-kompjuter, kamra tat-tpinġija u kull jumejn jew tlieta bħala kamra tat-tnixxif.
"Plume" u jien issa ngħixu fil-kamra tal-ikel/tat-tnixxif tagħna. Nikkonsla però billi, f'dan iż-żmien ta' konfinament, il-mogħdija m'għadhiex importanti (...) u għaldaqstant m'aħniex qegħdin ngħixu wkoll fil-kamra tal-mogħdija!
Mowbajl
Il-mowbajl tiegħi sar importanti ħafna mill-bidu tal-konfinament għax stajt inċempel lil familti, sħabi... Grazzi għall-mowbajl nista' nikkuntattja wkoll lill-għalliema tiegħi.
Il-mowbajl l-antik inkisirli fit-tmiem il-ġimgħa qabel beda l-konfinament u rnexxieli nixtri ieħor fl-aħħar minuta, l-Erbgħa, meta l-ħwienet kollha kellhom jagħlqu f'nofsinhar. Wasalt il-ħanut fil-11.00. Għall-erwieħ!
Mużew Nazzjonali tal-Arti Kontemporanja, Rumanija — "Laboratorju Artistku tal-Kwarantina UNARTE"
Nasba 2020 / M'iniex hawn 2020
"Minkejja li d-dar tal-ġenituri tiegħi hija ħafna ikbar mill-appartament li għext fih f'Bukarest qabel il-kwarantina, inħoss li ninsab f'waħda minn dawk il-gaġeġ il-kbar f'żoo fejn l-annimal jgħix f'kundizzjonijiet simili għall-ħabitat naturali tiegħu iżda xorta mhux liberu."
Proġett Kullimkien darek: Barra ma jeżistix, 2020 / Nikkuntattjawk, 2020
"Sfortunatament, din is-sitwazzjoni iġġegħilni nqis l-appartament tiegħi bħala l-unika "dar" tiegħi. Permezz tat-tpinġija nista' naħrab mir-realtà u nintasab ġewwa spazji differenti li għandhom atmosfera familjari. Għalkemm il-qagħda li qiegħed niddeskrivi hija waħda ta' solitudni u dwejjaq, inqis li dan huwa perjodu ta' benefiċċju għall-iżvilupp artistiku u lil hinn minnu."
Djarju ta' iżolament, framment, 2020
"Is-serje "X'jum huwa" hija djarju qasir ta' iżolament li juri l-proċess personali tiegħi ta' adattament f'nofs pandemija għal kważi xahar. Din bdiet bħala ħidma universitarja u rriżultat f'waħda mill-aktar attivitajiet terapewtiċi li għamilt matul dawn ix-xhur.
Id-djarju jikkonsisti f'żewġ partijiet: l-ewwel parti twieġeb il-mistoqsija "Fejn ninsab?" u prinċipalment tirrifletti l-bidliet psikoloġiċi minħabba r-realtà ġdida u wisq differenti bejn l-erba' ħitan fejn norqdu billejl. It-tieni hija dwar "Fejn nixtieq inkun?" u b'mod nostalġiku turi x-xewqat żgħar, u li qabel kienu komuni, li f'dawn iż-żminijiet jokkupaw ħsibijietna."