Back to top

Fake for Real

Ħwejjeġ foloz u falsifikazzjoni matul iż-żminijiet

(OTTUBRU 2020 - JANNAR 2022)

Fir-rutina tal-ħajja ta' kuljum, il-fatti sensazzjonali, spettakolari u sopranaturali huma tentazzjoni ħelwa. Jippermettulna naħarbu n-normalità. Iżda l-logħba tal-ingann tkun sabiħa biss meta nkunu qbilna li nieħdu sehem fiha. Meta niġu ingannati deliberatament, inkunu fuq in-naħa telliefa f'ħafna aspetti; nitilfu l-flus, il-kredibbiltà, l-integrità jew saħansitra l-eżistenza tagħna.

Filwaqt li l-kwantità attwali ta' (diż)informazzjoni hi bla preċedent, il-problema hi antika. L-istorja hi mimlija b'għadd kbir ta' eżempji ta' affarijiet foloz li jagħmluha ta' affarijiet reali. Iż-Żiemel ta' Trojja, arketip mitoloġiku tal-ingann, simbolikament jorbot l-istorja tal-qedem ma' problemi kontemporanji ħafna tad-dinja ddominata mill-internet.

Mil-lezzjonijiet tal-passat, nistgħu ninsġu pjan direzzjonali: wieħed li jippermettilna nidħlu fid-dinja tal-fantastiku u l-iffabbrikat meta rridu, filwaqt li jagħtina strateġija ta' ħruġ għal meta nkunu lesti nerġgħu lura għar-realtà.

Żjara Virtwali I - Fake For Real

Żjara Virtwali II - Fake For Real

Fake for Real u d-Drittijiet tal-Bniedem - żjara mal-kuratur

ĦAKMA U TALB

X'inhu li jagħmel il-poter leġittimu? Sa minn żmien twil ilu, l-isferi politiċi u reliġjużi saħħew il-pretensjoni ta' xulxin għall-poter u l-leġittimità. L-imperaturi Rumani saru allat; il-Papiet kellhom poter temporali; il-preżenza ta' fdalijiet sagri żiedu l-prestiġju ta' siti reliġjużi. Imperatur b'rekord impekkabbli, Papa b'dokumentazzjoni perfetta, il-preżenza fiżika ta' qaddis mogħni b'ħafna setgħa – tista' tinstema' sabiħa wisq biex tkun vera. B'xorti tajba, m'għandniex għalfejn noqogħdu fuq it-testimonjanzi mċajpra tal-passat. Il-kuraġġużi u l-kurjużi ħadu ħsieb jikxfu l-fatti.

NIFHMU D-DINJA

L-invenzjoni tal-istampar tat bidu għal era ġdida: l-informazzjoni bdiet issir disponibbli fuq skala bla preċedent. Iżda kwantità dejjem akbar ta' informazzjoni ma tagħtix garanzija ta' eżattezza. Dawk li kienu qed ifittxu l-fama u l-fortuna kienu kuntenti jxerrdu informazzjoni falza lil udjenza li kienet ħerqana biex issir taf dwar l-aħħar skoperta. Anke fl-istorja tar-riċerka xjentifika kien hemm każijiet ta' falsifikazzjoni intenzjonata. Il-possibbiltà li teorija tiġi ppruvata falza mhijiex difett tal-metodu xjentifiku iżda kwalità essenzjali li tiddistingwih minn sistemi oħra ta' kif nagħmlu sens mid-dinja.

GĦAQDA U FIRDA

Il-falsifikazzjonijiet u l-inganni kienu strumenti b'saħħithom fil-ħolqien tal-identitajiet etniċi u nazzjonali fis-sekli 18 u 19. Fl-Ewropa kollha, il-falsifikazzjonijiet "patrijottiċi" mħallta ma' skoperti storiċi ġenwini saħħew il-movimenti nazzjonali. Il-ħolqien tan-nazzjonijiet moderni kien jitlob storja komuni iżda anke għedewwa komuni. Dokumenti ffalsifikati, teoriji ta' konfoffa u nuqqas ta' ġustizzja ntużaw biex jinstab min kien se jeħel bil-ħtija, u dan kellu konsegwenzi devastanti u permanenti.

IL-GWERRA

Fi frażi li l-oriġini tagħha għadha inċerta, il-"verità" ġiet deskritta bħala "l-ewwel vittma tal-gwerra". Il-gwerra hija ċertament żmien li fih il-partijiet involuti jirrikorru għat-tħarrif u l-ingann. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ewropa kollha saret kamp tal-battalja, u l-għażla ta' lil min tafda kellha konsegwenzi fundamentali. Għal għexieren ta' snin wara, il-kompitu kien li jiġu stabbiliti l-fatti tar-reati mgħottija u riabilitati mir-reġimi totalitarji.

QERQ U RIKKEZZA

Tul l-istorja, il-profitt kien fost ir-raġunijiet ewlenin għall-produzzjoni ta' oġġetti ffalsifikati. Opri tal-arti, prodotti lussużi, oġġetti għall-konsum ta' kuljum u flus jiġu ffalsifikati għall-gwadann finanzjarju. Il-falsifikazzjoni tal-aktar affarijiet mixtiqin min-nies, sew jekk pittura ta' artist kbir Olandiż u sew jekk basket ta' Louis Vuitton, saret element kruċjali tas-soċjetà konsumistika globalizzata li ngħixu fiha. Iżda l-qerq intuża wkoll biex jesponi x-xewqa bla xaba' għal "iżjed, orħos u tal-aħħar moda", bħal fl-esperiment/dokumentarju "Il-Ħolma Ċeka".

L-ERA TAL-POST-VERITÀ?

It-terminu "soċjetà tal-post-verità" jiddeskrivi kultura fejn l-opinjoni pubblika hija ffurmata mill-emozzjoni u mit-twemmin personali aktar milli mill-fatti. Il-"fake news" huma sikwit ikkunsidrati bħala l-aktar sintomu apparenti tagħha.

Madankollu, il-fake news mhumiex ristretti għal xi epoka partikolari. Li hu speċjali dwar is-sitwazzjoni tal-lum hu li l-mezzi ta' komunikazzjoni moderni, partikolarment l-internet, jippermettu t-tixrid u d-disseminazzjoni tagħhom malajr u mad-dinja kollha. Quddiem abbundanza ta' informazzjoni minn għadd bla qies ta' sorsi, sikwit ikun diffiċli niddeterminaw x'inhu veru u jekk is-sors hux affidabbli.

B'xorti tajba hemm modi kif nindirizzaw dawn l-isfidi: jekk naħsbu b'mod kritiku u niddubitaw mill-ewwel impressjonijiet, inkunu konxji mill-preġudizzji tagħna u niddeterminaw is-serjetà tas-sors, inkunu nistgħu ngħarblu l-fatti mill-finzjoni u nsibu triqitna qalb il-kumplessitajiet tar-realtà.