Back to top

L-EWROPA: ĦERBA SĦIĦA

L-atroċità estrema u d-disprezz għall-umanità jsiru evidenti fix-xenarji differenti ta' gwerer kbar u terrur totalitarju li kkaratterizzaw l-ewwel nofs tas-seklu 20.

Entrance to Europe in ruins - third floor

L-EWWEL GWERRA DINJIJA

L-Ewwel Gwerra Dinjija, l-ewwel gwerra industrijalizzata u tal-massa, ikkawżat qerda bla preċedent fil-kampi tal-battalja u fis-soċjetajiet b'mod ġenerali. L-erba' snin ta' gwerra heżżew l-Ewropa sas-sisien tagħha, u kaxkruha f'kunflitt dinji li qatt ma kien deher bħalu.

Din l-istraġi rriżultat fl-aktar seklu qattiel fl-istorja tal-Ewropa, u l-effetti trawmatiċi tagħha ħallew impatt profond fuq il-memorja Ewropea.

Fit-28 ta' Ġunju 1914, l-eredi tal-Imperu Awstro-Ungariku – l-Arċiduka Franz Ferdinand – u l-mara tiegħu nqatlu f'Sarajevo minn Gavrilo Princip, Serb Bożnijaku li ried stat Jugoslav indipendenti mill-Awstrija. Dan l-avveniment tellef il-bilanċ fraġli tal-poter u tefa' l-kontinent fi gwerra.

IT-TOTALITARJANIŻMU KONTRA D-DEMOKRAZIJA

B'konsegwenza tal-Ewwel Gwerra Dinjija sfaxxaw imperi antiki u nħolqu stati ġodda. Il-paċifiżmu u l-idea tal-integrazzjoni Ewropea bdew isiru aktar b'saħħithom.

Id-demokrazija parlamentari fjorixxiet fl-Ewropa kollha, filwaqt li l-Unjoni Sovjetika saret l-ewwel dittatorjat Komunista. Madankollu, sal-1939 il-parti l-kbira ta' dawn id-demokraziji kienu sfaxxaw u l-maġġor parti tal-Ewropej kienu qed jgħixu taħt reġimi awtoritarji jew totalitarji, li kienu jikkontrollaw il-ħajja pubblika u privata bil-forza u jillimitaw il-libertajiet individwali.

In-Nazisti ħadu l-poter f'idejhom fl-1933 u ħolqu reġim totalitarju li fih il-Ġermaniżi Arjani kienu jitqiesu bħala r-razza ewlenija u bijoloġikament superjuri, li kellha d-destin li tiddomina l-Ewropa. Il-Lhud ingħataw it-tort għall-problemi li kellha l-Ġermanja, u ġew akkużati b'komplott biex jieħdu d-dinja f'idejhom.

IT-TIENI GWERRA DINJIJA

It-Tieni Gwerra Dinjija sikwit tiġi deskritta bħala 'gwerra totali', mingħajr distinzjoni bejn is-suldati u ċ-ċivili. Miljuni ta' nies sfaw vittmi ta' eżekuzzjonijiet tal-massa, deportazzjonijiet, qtil bil-ġuħ, xogħol furzat, kampijiet ta' konċentrament u bumbardamenti.

Taħt ir-reġim Nazista, miljuni ta' nies inqatlu permezz ta' "tindif" soċjali u etniku sistematiku. Kemm fl-iskala kif ukoll fil-forma burokratika tiegħu, il-ġenoċidju tal-Lhud Ewropej sar avveniment bla paragun fl-istorja. Maqbuda bejn is-Soċjaliżmu Nazzjonaliżmu u l-Istaliniżmu, il-gwerra kellha karatteristiċi partikolarment brutali fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

XOGĦOL TA' QERDA

Huwa stmat li matul it-Tieni Gwerra Dinjija mietu mas-60 miljun ruħ, li minnhom kważi żewġ terzi kienu ċivili. Madankollu, iċ-ċifri waħedhom ma jirnexxilhomx jikkomunikaw il-kobor kollu tat-traġedji personali involuti jew l-impatt diżastruż ta' dawn l-avvenimenti fuq diversi gruppi ta' nies. L-oġġetti miġburin hawnhekk jirrakkuntaw l-istorja umana mistura wara dawn l-avvenimenti u jqanqluna lkoll nikkunsidraw kif in-nies jaffrontaw it-trawma u t-telfien fuq skala hekk kbira.