Back to top

Behind the Poster: “The Ark”

F'Jum il-Park Leopold, fl-10 ta' Settembru 2022, Dar l-Istorja Ewropea organizzat żjarat iggwidati ta' Meta l-Ħitan Jitkellmu! wirja temporanja, immexxija minn artisti mill-Ukrajna, ir-Rumanija u s-Slovenja, li kienu involuti fil-ħolqien tax-xogħlijiet tal-arti. Aqra l-istorja wara l-kartellun tagħhom...

Minn NEIVANMADE, artist, Lviv, l-Ukrajna

Illum, nixtieq inkellimkom dwar xi ħaġa speċjali. Dwar dik il-ħaġa li n-nies qatt ma jgħożżu iżda li jqisu prezzjuża aktar mit-teżori kollha ta' din id-dinja miġbura flimkien. Din il-ħaġa hija l-Libertà.

Dan ix-xogħol artistiku – "The Ark" – sar fl-1 ta' Marzu. Kien fl-ewwel ġimgħa li faqqgħet il-gwerra. Ixxukjata u beżgħana d-dinja kollha rat kif l-Ukreni opponew "It-tielet l-akbar armata fid-dinja". Dak iż-żmien kull tama fina kienet fiergħa, iżda wasalna s'hawn u anke waqt li qegħdin nitkellmu hawn, għadna nirreżistu. Iżda dak iż-żmien, ma kellna xejn biex inxejnu r-raids tal-ajru Russi, u għalhekk ta' kuljum, xita ta' bombi niżlet fuq bliet paċifiċi Ukreni. Id-djar, l-isptarijiet u l-iskejjel saru ċimiterji tal-massa għal eluf u eluf ta' persuni ordinarji li l-unika ħtija tagħhom kienet li nzertaw hemm. Iddisprati bkejna għall-għajnuna, iżda l-mexxejja l-aktar b'saħħithom tad-dinja beżgħu li jekk jipprovokaw lir-Russja kien se jkun hemm aktar atroċitajiet. Iżda x'hemm aktar atroċi mill-qtil tal-massa, mill-istupri, u mit-torturi ta' eluf ta' rġiel, nisa u tfal? Bla dubju, attakk fuq pajjiż tal-UE. 

Għalkemm tlabna għall-għajnuna, konna nafu li tħallejna weħidna f'idejn manijaċi sadistiċi. Huwa għalhekk li l-kitba ma tgħidx "CLOSE the sky" (NAGĦLQU l-ajru)" iżda "HOLD the sky" (NIDDEFENDU l-ajru). Dan is-slogan oriġina fl-2014 fi żmien ir-Rivoluzzjoni tad-Dinjità ġewwa Kiev. Fi żmien meta l-iskwadri tal-pulizija u dawk paramilitari appoġġati mir-Russja kienu qed jisparaw fuq in-nies fit-toroq, meta l-poplu ħieles għajjat dan il-kliem biex isejjaħ lin-nies itellgħu l-barrikati. Biex niddefendu l-ajru, biex id-dija tal-Libertà terġa ddawwwal is-sema Ukren.

Is-suldati tagħna qed jipproteġu l-ispazju tal-ajru Ukren b'ħajjithom, u huma ħafna l-eroj li ħallew ħajjithom fuq il-kampijiet tal-battalja. Neħtieġu aktar armi; għandna bżonn iddisprat tagħhom. Nimmaġina li uħud minnkom jaħsbu li l-appoġġ militari mhuwiex meħtieġ. F'dak il-każ, ippruvaw żommu l-bombi u t-terrur nukleari 'l bogħod bi tbissim u b'rakkonti msaħħra dwar il-paċi dinjija. Jekk tagħmlu hekk tpaxxu biss lir-Russi għax jegħlbukhom mingħajr wisq tbatija.

Iżda aħna żammejna sod. Sodi bħal bieb ta' tempju antik li jwassal għal għodwa ġdida. Nimmaġinakom tistaqsuni għaliex semmejt din il-biċċa artistika "The Ark" (L-Arka). F'dak il-każ, ngħidilkom: illum il-ġurnata fl-Ukrajna, ma jimpurtax min int: xellugi, lemini, ateju, Kattoliku, femminista, omossesswali, soċjalista, konservattiv. Ikoll kemm aħna ninsabu fl-istess dgħajsa, inbaħħru f'maltempata ta' demm u nar abbord Arka ta' Noè moderna.

Kreditu tar-Ritratt: The Ark, minn NEIVENMADE, 2022

Hold the sky poster
Artist with group presenting in museum