Back to top

Identitajiet fi ħdan il-belt

Fil-Museum Night Fever 2022, Dar l-Istorja Ewropea ospitat il-proġett CITIZENS* ta' Skin Mutts – sensiela ta' intervisti fotografiċi li fihom iċ-ċittadini ta' Brussell tkellmu dwar l-identità kulturali tagħhom b'rabta mal-belt...

Ta' Lisa Mei Eeraerts, Kofundatriċi ta' Skin Mutts

Il-post fejn tgħix, kif jaffettwaha l-identità tiegħek? B'liema modi jillimita l-identità tiegħek? Belt bħal Brussell, il-qalba tal-Ewropa, kif tidħol fl-idea multidimensjonali ta' min int bħala persuna?

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika u politika unika ta' Brussell, hemm ħafna nies li għandhom, b'xi mod jew ieħor, sfond kulturali mħallat. Kemm jekk in-nanniet tiegħek emigraw bħala miżżewġin friski, kif ukoll jekk ġejt l-università u spiċċajt bqajt hawn, issa inti għandek rabta ma' Brussell. Iżda sibtha darek hawnhekk? Brussell setgħet timla l-vojt b'mod naturali jew ħadt il-ħin u kellek tagħmel sforz biex bnejt iċ-ċirku tiegħek?

Dawn huma wħud mill-mistoqsijiet u l-ħsibijiet li xtaqna nesploraw fi Brussell, peress li hija belt verament multikulturali. Hawn ħafna minna bi stejjer differenti x'nirrakkuntaw, iżda l-belt għandha sensazzjoni unika għaliha li l-biċċa l-kbira tagħna għarfu jappartjenu għaliha. Hekk twieled il-proġett CITIZENS*. CITIZENS* huwa serje ta' intervisti fotografiċi ta' 21 żagħżugħ u żagħżugħa differenti li, minkejja l-isfond(i) kulturali differenti tagħhom, isejħu lil Brussell darhom (jew waħda minnhom). Permezz ta' intervisti li jdumu bejn 20 u 45 minuta, il-parteċipanti qalulna modi differenti kif il-belt ipprovditilhom spazju biex jesploraw lilhom infushom. Dawn l-istejjer issa ġew immortalizzati permezz tar-ritratti tagħhom meħuda f'post li għażlu fi Brussell u bi kwotazzjonijiet speċifiċi misluta mill-intervisti tagħhom.

Li nistgħu naqsmu dawn l-istejjer ma' pubbliku usa' hija opportunità unika biex noħolqu rabta bejn in-nies. Matul il-wirja n-nies avviċinatna biex jgħidulna kif, b'xi mod, jidentifikaw ruħhom ma' kull storja, minkejja li kull storja kienet kompletament oriġinali. Oħrajn qalu li qatt ma ħasbu li jaraw storja bħal tagħhom mal-ħitan li jista' jaraha kulħadd. Il-fatt li rnexxielna nressqu dawn l-istejjer fuq quddiem u naqsmuhom f'Dar l-Istorja Ewropea juri l-wiċċ li qed jinbidel tal-Ewropa u t-tama għall-konnessjoni umana fil-futur.

Hekk kif l-Ewropa tkompli ssir iktar globalizzata, kulma jmur stejjer bħal din se jsiru n-normalità l-ġdida. Irridu nkunu hemm u nuruhom li nifhmu li l-appartenenza mhijiex faċli, iżda hemm barra hemm ruxxmata nies li jirnexxilhom isibu mod li bih jibnu l-komunitajiet tagħhom stess. Min-naħa l-oħra, din il-mobilizzazzjoni li, fost fenomeni oħra, wasslet għal aktar nuqqasijiet fil-komunikazzjoni u nuqqas ta' ftehim. Billi niskopru kif dan wassal għal implikazzjonijiet tanġibbli fil-ħajja soċjali u fil-politika fl-Ewropa, irridu npoġġu lenti fuq ħajjet in-nies. Irridu nuru t-tbatijiet tagħhom u nenfasizzaw il-ferħ tagħhom, biex infakkru lil kulħadd li għalkemm jistgħu ma jkunux bħalek, huma sempliċement qed jagħmlu mill-aħjar li jistgħu, bħalek. Skin Mutts hija pjattaforma li titkellem dwar l-identità kulturali u għandha l-għan li toħloq spazju għal dawk bi sfondi multikulturali biex ikomplu jesploraw lilhom infushom. Issieħeb magħna! Sibna fuq il-pjattaformi kollha tal-media soċjali, aħna dejjem miftuħin għall-kollaborazzjonijiet. Skopri aktar fuq is-sit web tagħna, skinmutts.com.

 

Visitors looking at photo exhibition
A monk discusses identity in the museum cafe