Back to top

Il-ġlieda kontra l-mewġa ta' diżinformazzjoni

Fit-28 ta' Ottubru, Dar l-Istorja Ewropea laqgħet lil membri tat-Task Force East StratCom mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, flimkien mal-kontropartijiet tagħhom fis-Servizz tal-Portavuċi tal-Parlament Ewropew, għal preżentazzjoni tal-wirja temporanja tal-mużew "Fake for Real – Ħwejjeġ foloz u falsifikazzjoni matul iż-żminijiet". Iż-żewġ timijiet bħalissa qed jindirizzaw it-tixrid u l-impatt tad-diżinformazzjoni fil-livell pan-Ewropew – pereżempju, teoriji ta' konfoffa u propaganda antidemokratika – sabiex isaħħu l-komunikazzjoni bbażata fuq il-fatti u l-ambjent tal-midja u s-soċjetà ċivili b'mod ġenerali.

Iż-żjara, immexxija mill-kuraturi tal-wirja Simina Badica u Joanna Urbanek, ħadet lill-viżitaturi fuq vjaġġ tul l-istorja twila u kumplessa ta' ħwejjeġ foloz, falsifikazzjonijiet u falsitajiet li għaddiet minnha l-Ewropa. It-taqsima "L-Era tal-Post-Verità?" kienet ta' interess partikolari, billi nħolqot b'kontribut mis-Servizz tal-Portavuċi, u tipprovdi logħob interattiv li permezz tagħhom iċ-ċittadini jitgħallmu kif jivverifikaw il-fatti, kif ukoll "filter bubble" innovattiva li tinvestiga kif taħdem il-midja soċjali.

Il-wirja fi Brussell ġiet estiża sat-30 ta' Jannar 2022. Il-prenotazzjonijiet għall-gruppi reġgħu nfetħu, filwaqt li l-viżitaturi individwali m'għandhomx għalfejn jibbukkjaw. Inħolqot ukoll sensiela ta' żjarat virtwali għall-udjenzi online.