Back to top

Il-politika Amerikana, Joe Biden u l-istorja tal-Ewropa

Wara l-ħatra tal-President tal-Istati Uniti Joe Biden, u aktar minn ħames snin miż-żjara tiegħu fil-Parlament Ewropew, staqsejna lit-tim ta' Dar l-Istorja Ewropea b'liema mod iż-żewġ avvenimenti kkontribwew għall-istorja tal-Ewropa...

Kif inhuma esplorati fil-wirja permanenti ta' Dar l-Istorja Ewropea r-rabtiet trans-Atlantiċi profondi deskritti minn dak li ġie elett President fid-diskors tiegħu fil-PE fl-2010? 

Fid-diskors storiku tiegħu fil-Parlament Ewropew fl-2010, il-Viċi President ta' dak iż-żmien Joseph R. Biden beda billi kkwota mill-poeżija Easter 1916 tal-poeta Irlandiż u rebbieħ tal-Premju Nobel W.B. Yeats. Dawn il-versi, li jgħidu "all (is) changed, changed utterly, a terrible beauty is born", inkitbu wara r-rewwixta tal-indipendenza f'Dublin dik is-sena u jiddeskrivu kif, f'tebqa t'għajn, avveniment storiku li jiddefinixxi epoka jista' jbiddel ix-xenarju politiku b'mod irrevokabbli.

Fi żmien id-diskors parlamentari tiegħu fl-2010, meta d-dinja kienet għadha qed tħoss il-konsegwenzi tar-Reċessjoni l-Kbira u meta kienu għaddew inqas minn għaxar snin mill-attakki tad-9 ta' Settembru, Joe Biden kien qed jara r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa f'mument ta' bidla bħal dan. Għalhekk huwa interessanti li, fid-diskors tiegħu, il-Viċi President silet estensivament mill-istorja u mir-reżonanza storika, u ddeskriva kif kemm il-wirt komuni kif ukoll is-sistema kondiviża ta' valuri sawru r-relazzjoni bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tal-Amerka f'mumenti ta' tranżizzjoni u ta' taqlib bħal dawn. Biden temm id-diskors tiegħu b'affermazzjoni importanti – li ntlaqgħet tajjeb mill-udjenza tiegħu – li daqskemm l-Ewropa teħtieġ Stati Uniti involuti internazzjonalment, daqstant ieħor l-Istati Uniti jeħtieġu Ewropa b'saħħitha u magħquda.

F'Dar l-Istorja Ewropea, nesploraw ħafna minn dawn l-interazzjonijiet storiċi determinanti bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa permezz ta' oġġetti, stampi, u multimedia. Wieħed mill-aktar eżempji bikrija fil-wirja permanenti huwa l-impatt tar-Rivoluzzjoni Amerikana tal-1776 – influwenzata mill-kittieba u l-ħassieba Illuministiċi Ewropej – fuq ir-rivoluzzjonijiet li seħħew fl-Ewropa, partikolarment ir-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789.  Nuru wkoll il-migrazzjoni tal-massa tal-Ewropej lejn l-Amerka ta' Fuq fis-seklu 19, li kellha effett permanenti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, wirt imsemmi minn Biden fid-diskors tiegħu fl-2010. Fir-rigward tas-seklu 20, il-wirja tesplora l-modi fundamentali li bihom l-intervent Amerikan kellu impatt fuq Ewropa mifnija bil-gwerra. Turi d-dħul tal-Istati Uniti fl-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1917 u t-tiswir tal-ordni internazzjonali wara l-kunflitt permezz tat-Trattati ta' Pariġi. Il-wirja tittratta wkoll l-intervent deċiżiv tal-Istati Uniti fit-Tieni Gwerra Dinjija u r-rwol tagħhom fir-rikostruzzjoni tal-Ewropa u l-proċess sussegwenti tal-integrazzjoni Ewropea.

Madankollu, bħalma wrew l-avvenimenti tal-2020, partikolarment fl-Istati Uniti, il-mod kif nifhmu l-passat qed jinbidel b'pass mgħaġġel ħafna quddiem episodji problematiċi fl-istorja komuni tagħna li sal-lum intefgħu taħt it-tapit. L-istorja ma tintemm qatt. Il-kummerċ transatlantiku tal-iskjavi bejn is-sekli 17 u 19, pereżempju, jikkostitwixxi punt trawmatiku u tal-mistħija fl-interazzjoni bejn l-Ewropa, l-Afrika u dawk li mbagħad saru l-Istati Uniti tal-Amerka. Madankollu, huwa wieħed li jeħtieġ jiġi indirizzat mill-mużewijiet u mill-istoriċi.

F'Dar l-Istorja Ewropea, ir-rwol fundamentali tal-iskjavitù bħala parti mill-istorja Ewropea kif ukoll ir-rilevanza tiegħu llum huma esplorati fit-taqsima introduttorja tal-wirja permanenti li tittratta l-preċetti tal-patrimonju Ewropew. Għalhekk, fl-aspetti kollha tagħha, kemm tajbin kif ukoll ħżiena, ir-relazzjoni dinamika bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Ewropa hija parti fundamentali mill-istorja Ewropea. M'hemmx dubju li, hija u tinbidel u tevolvi, se tibqa' tema fundamentali f'Dar l-Istorja Ewropea wkoll.

Il-President il-ġdid Joe Biden żar il-Parlament Ewropew fi Frar 2015 bħala l-Viċi President tal-Istati Uniti dak iż-żmien. Huwa komuni li personalitajiet politiċi ta' livell għoli jżuru l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea? Għal xiex jiġu u liema huma l-kwistjonijiet ewlenin li jiffukaw fuqhom fl-ambitu tal-kooperazzjoni?

Għal raġunijiet storiċi ovvji, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa jmorru lura għal qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, iżda mit-tmiem ta' dak il-kunflitt dinji, ir-relazzjonijiet transatlantiċi intensifikaw f'qafas li kien jinkludi d-diplomazija, il-kultura, l-ekonomija, il-militar, is-soċjetà, il-leġiżlazzjoni u ħafna oqsma oħra. Bil-ħolqien tal-Komunitajiet Ewropej u, biż-żmien, l-importanza akbar tar-rwol tal-UE f'dawk l-oqsma b'rabta mal-Istati Uniti u l-politika dinjija, l-istituzzjonijiet tal-UE ħadu rwol ċentrali ta' interlokutur mal-Istati Uniti.

Mill-1995 'l hawn saru 29 summit bejn l-UE u l-Istati Uniti, fejn iż-żewġ naħat iddibattew, iddiskutew u qablu dwar bosta kwistjonijiet (tariffi, leġiżlazzjoni dwar il-privatezza, reċiproċità tal-viża, trattati internazzjonali bħall-ftehim nukleari mal-Iran eċċ.). Hu fil-qafas ta' din ir-relazzjoni mill-qrib li huma komuni ħafna ż-żjarat ta' personalitajiet politiċi Amerikani ta' livell għoli, fosthom il-Viċi President Biden fl-2015, il-Viċi President Pence fl-2017, iżda wkoll ħafna oħrajn bħal Segretarji tal-Istat u delegazzjonijiet mis-Senat u mill-Kungress.

Bħala parti mis-sensiela ta' lekċers pubbliċi ta' Dar l-Istorja Ewropea, il-Professur Timothy Snyder reċentement ġie mistieden jagħmel diskors dwar "X'jgħallmuna l-katastrofi tal-imgħoddi dwar il-possibbiltajiet tal-futur".  X'jistgħu l-konnessjonijiet u l-impenn mal-istoriċi Amerikani kontemporanji u xogħolhom jgħidulna dwar l-istorja komuni bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa? X'perspettivi ġodda jistgħu jġibu magħhom?

L-approċċ tal-Professur Snyder huwa wieħed interessanti fis-sens li fil-lekċer online tiegħu għal Dar l-Istorja Ewropea u f'okkażjonijiet oħra, bħad-diskors li ta f'Jum l-Ewropa fl-2019 fi Vjenna, huwa jikkaratterizza r-rwol tal-istoriku Amerikan li jeżamina l-istorja Ewropea bħal dak ta' xi ħadd li qed iħares minn barra. Bħala tali, il-perspettiva li hu u akkademiċi Amerikani oħra jġibu fid-dibattitu hija dik ta' kritika oġġettiva u kostruttiva dwar il-modi kif l-Ewropa taffronta l-komprensjoni u t-tifkira tal-passat. Il-messaġġ ta' Snyder lill-Ewropa huwa wieħed ċar; ċelebratorju u kawtelatorju fl-istess ħin. "Intom aktar mill-miti tagħkom", sostna fl-2019.

Filwaqt li l-valuri ta' ftuħ, demokrazija, u impenn internazzjonali bħala mezz biex jissolvew id-differenzi jagħmlu lill-Ewropa bastjun ta' tama għad-dinja, fil-fehma ta' Snyder, din it-tama tista' tinkiseb biss billi tingħata prijorità lil storja oġġettiva u kondiviża minflok miti storiċi simpatetiċi iżda sikwit diviżivi. Din hi l-istess fehma tal-kollega ta' Synder f'Yale, il-Professur Jay Winter, li wkoll tkellem f'Dar l-Istorja Ewropea, fiżikament, fil-perjodu ta' qabel il-COVID f'Novembru 2019. Dawn iż-żewġ storiċi Amerikani, fost ħafna oħrajn, joffru perspettivi uniċi dwar il-passat tal-Ewropa li kienu influwenti ħafna fuq il-ħidma ta' Dar l-Istorja Ewropea kemm fl-iżvilupp tagħha kif ukoll mindu nfetħet. Peress li dawn iż-żewġ lekċers saru lejn tmiem il-mandat tal-president Amerikan ta' dak iż-żmien, ikun interessanti li wieħed jara kif il-bidliet politiċi tal-futur se jiġu indirizzati mill-istoriċi Amerikani u Ewropej fis-snin li ġejjin. Wieħed mill-ftit vantaġġi tal-kriżi tal-COVID kienet it-tranżizzjoni għal avvenimenti online, li jippermettulna mhux biss li nattiraw varjetà usa' ta' kelliema iżda anke udjenza internazzjonali, mill-Istati Uniti u lil hinn.

Dar l-Istorja Ewropea kif taħdem ma' mużewijiet Amerikani biex ikunu jistgħu jintwerew ir-rabtiet storiċi bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa?

Mingħajr konnessjoni transatlantika ma kien ikun hemm l-ebda Dar l-Istorja Ewropea. Il-bini li fih hu bbażat il-mużew, id-dar tagħna, oriġinarjament kien parti minn network ta' kliniki dentali pubbliċi madwar l-Ewropa mwaqqfa mill-filantropu u pijunier tal-fotografija Amerikan George Eastman. Bħala parti mix-xogħol tagħna fil-bidu, meta konna qed nirriċerkaw l-istorja tal-bini u nesploraw kif nistgħu ninkluduha fil-wirja permanenti tagħna, ħdimna f'kuntatt mal-George Eastman Museum ta' New York.

Organu Amerikan ieħor importanti għal Dar l-Istorja Ewropea kien il-United States Holocaust Memorial Museum f'Washington DC. Minbarra li bbenefikajna minn żjarat u konsultazzjonijiet ma' persunal prinċipali mill-mużew, mindu ftaħna fl-2017 kienu ħafna r-ritratti u l-oġġetti mill-kollezzjoni tal-USHMM li ġew esibiti fil-wirja permanenti. Il-kollegi tagħna fil-Parlamentarium kellhom ukoll l-unur li jospitaw wirja temporanja minn dan il-mużew; State of Deception: The Power of Nazi Propaganda (Stat ta' Qerq: Il-Qawwa tal-Propaganda Nażista), li ttellgħet fil-bidu tal-2018.

Madankollu, mhux it-tamiet kollha li kellna saru realtà. Pereżempju xtaqna ħafna naħdmu mal-Ellis Island National Museum of Immigration fil-port ta' New York għall-wirja permanenti tagħna iżda, matul l-għargħar tal-Uragan Sandy fl-2012, l-imħażen tagħhom saritilhom ħsara kbira u saru inaċċessibbli, u b'hekk ma kienx possibbli jsir self internazzjonalment.  Ċertament huwa mużew li se jiġi kkunsidrat għal proġetti oħra fil-futur, billi huwa post ta' memorja par excellence tar-rabtiet bejn l-Ewropa u l-Amerka ta' Fuq.

Il-wirjiet temporanji tagħna wkoll esploraw l-influwenza Amerikana fl-Ewropa. Pereżempju f'Żogħżija Bla Kwiet, Int u tikber fl-Ewropa, mill-1945 sal-lum, li ttellgħet fl-2019/20, urejna kemm il-kultura Amerikana, partikolarment il-kultura taż-żgħażagħ, kienet importanti fil-ħajja taż-żgħażagħ Ewropej wara t-Tieni Gwerra Dinjija u kif saret kultura ta' referenza li tissimbolizza l-ideali ta' libertà personali li tmur lil hinn mill-qasmiet politiċi fil-kontinent. Fil-fatt, it-titlu nnifsu tal-wirja, Żogħżija Bla Kwiet (Restless Youth), ġie minn rapport imħejji mis-CIA għall-President Lyndon Johnson dwar il-mewġa ta' protesti internazzjonali miż-żgħażagħ li kkaratterizzaw id-dinja fl-1968.

Sadanittant, diversi presidenti tal-Istati Uniti jidhru fil-wirja permanenti, partikolarment għar-rwol tagħhom fit-tfassil tal-ordni internazzjonali l-ġdid wara taqlib storiku u kunflitti kbar: Woodrow Wilson wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, Franklin Delano Roosevelt wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u George H.W. Bush wara l-waqgħa tal-Ħajt ta' Berlin u l-kollass tal-komuniżmu. Richard Nixon – dak iż-żmien Viċi President – jidher ukoll fil-famuż "dibattitu fil-kċina" tal-1959, diskussjoni taħraq mal-prim ministru tal-Unjoni Sovjetika Nikita Khrushchev f'Moska, li matulha jiddefendi l-valuri tal-kapitaliżmu Amerikan quddiem udjenza televiżiva internazzjonali.

Minħabba l-iskala tal-isfidi globali fi tmiem l-2020, fosthom it-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-firda politika u l-estremitajiet, kif ukoll l-effetti tal-pandemija globali, jidher li għal darb'oħra r-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jinsabu f'salib it-toroq, l-istess bħal ma Joe Biden kien ra quddiemu fl-2010. Għalhekk ftit hemm dubju li, 20 sena oħra, il-mużewijiet se jkunu qed jesploraw u jispjegaw l-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-presidenti attwali u futuri tal-Istati Uniti permezz tal-wirjiet permanenti u temporanji tagħhom. Nittamaw, għalina lkoll, li l-istorja tiġġudikahom favorevolment.

Ritratt: © L-Unjoni Ewropea 2012 - PE