Back to top

Introduzzjoni ta' Taħt il-Lenti

minn Taja Vovk van Gaal, Kap tat-Tim Akkademiku tal-Proġett

F'2017, is-sit web ta' Dar l-Istorja Ewropea fetaħ u laqa' l-ewwel viżitaturi diġitali tiegħu. It-tama tiegħi hi li l-wirjiet, l-avvenimenti u l-kontenut interattiv f'dan is-sit joħolqu narrativa rikka u ta' sfida, li sservi ta' pont bejn id-dinja akkademika u dik tal-internet.

It-tnedija tad-Dar — kemm fiżikament fi Brussell kif ukoll online — qed isseħħ f'mument importanti għall-Ewropa. L-istorja hija preżenti fid-diskors pubbliku aktar minn qatt qabel. Bidliet rapidi qed jagħtu sura ġdida lill-kontinent tagħna.

Bl-aħħar xhieda tal-ġrajjiet traġiċi li ntemmu sebgħin sena ilu, ir-rabta mal-imgħoddi qed tinħall. L-importanza li nagħmlu sforzi kontinwi biex nevitaw il-kunflitt u nħarsu l-paċi m'għadhiex evidenti mill-ewwel għall-ġenerazzjonijiet taż-żgħażagħ u ż-żgħar.

L-għan tagħna hu li d-Dar tgħin lil nies minn kull qasam tal-ħajja, mill-Ewropa u lil hinn minnha, biex jifhmu l-istorja reċenti fil-kuntest tas-sekli mgħoddija, li sawru l-ideat u l-valuri fi proċessi li kultant kienu twal u diffiċli.

Aħna nemmnu li l-ġejjieni rridu nibnuh permezz ta' ħarsa kritika lejn l-azzjonijiet tagħna, u li jeħtiġilna nitnebbħu u nitgħallmu mill-kisbiet u mill-iżbalji li għamlu ta' qabilna.

It-taqsima "Taħt il-Lenti" tirrappreżenta l-qalb tħabbat tad-Dar, hekk kif tevolvi u tibda tgħix ħajja indipendenti. Se jkun fiha ħafna u ħafna tagħrif ġdid, fost oħrajn intervisti ta' wara l-kwinti, previżjonijiet tal-aħħar akkwisti, għarfien espert, u informazzjoni dwar avvenimenti u wirjiet ġodda u eċċitanti.

Imraħ fis-sit, aqsam ma' ħaddieħor u involvi ruħek. Fuq kollox — saqsi mistoqsijiet kritiċi u kkunsidra kif l-imgħoddi tal-Ewropa qed jiġi rifless fil-preżent.