Back to top

Kif tikkontribwixxi għal Ġabra ta' Rakkonti dwar il-Ferroviji

Biex tikkontribwixxi għall-programm EUROPALIA Trains & Tracks, Dar l-Istorja Ewropea qed toħloq ġabra pan-Ewropea online ta' rakkonti personali dwar l-ivvjaġġar bil-ferrovija bejn il-fruntieri nazzjonali bħala esperjenza formattiva komuni Ewropea.

Tkun tista' tipprovdi filmat qasir dwar dan is-suġġett, b'tali mod li tindirizza l-mistoqsijiet li ġejjin?

  • X'inhuma l-memorji tiegħek ta' vjaġġi transfruntiera bil-ferrovija? Hemm xi waħda partikolari li tixtieq taqsamha magħna?
  • X'impatt kellha l-abilità li tivvjaġġa bil-ferrovija (jew le) fuqek matul dan iż-żmien?
  • X'ħalla l-aktar impatt fuqek: il-vjaġġ jew id-destinazzjoni?
  • Illum b'liema mod influwenzawlek ħajtek dawn l-esperjenzi?

Linji gwida tekniċi:

  • Jekk jogħġbok introduċi lilek innifsek u, jekk rilevanti, l-organizzazzjoni li taħdem għaliha.
  • Il-filmati għandhom ikunu sa mhux aktar minn 120 sekonda, bi spazju bejn kull tweġiba. Dawn jistgħu jkunu fi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.
  • Jekk jogħġbok żgura li l-awdjo huwa ta' kwalità tajba, billi tuża mikrofonu jew kitt hands-free, jew billi tirrekordja f'post kwiet.
  • Għall-filmati, tista' tinkludi fajls separati b'ritratti, bi kwalunkwe test ta' kreditu rilevanti. Dawn nistgħu nżiduhom fil-filmati.
  • Formati ta' fajls preferuti: jpeg, mp4, mov.
  • Il-kontributi għandhom jintbagħtu permezz ta' wetransfer lil historia-press@ep.europa.eu, jew jiġu kkupjati f'dan il-folder ta' Google drive.
  • Jekk jogħġbok imla d-dokument ta' awtorizzazzjoni biex tagħti permess li jintuża l-kontribut tiegħek fuq is-sit web tagħna, fl-ispazju tal-mużew, u siltiet mill-mezzi tal-midja soċjali tagħna.

Kuntest:

L-impatt tal-ferroviji u l-kapaċità tagħhom li jaqsmu l-fruntieri reġjonali u nazzjonali kellhom u għad għandhom sinifikat reali għall-Ewropa u l-Ewropej. Mill-1840 'l hawn, tfaċċaw networks ferrovjarji madwar il-kontinent kollu. Dan il-mezz ġdid ta' trasport u komunikazzjoni naqqas il-ħin tal-ivvjaġġar u ttrasforma kompletament il-mod kif nesperjenzaw il-ħin u l-ispazju. Fil-kuntest tar-rivoluzzjoni industrijali, il-ferrovija saret simbolu tal-progress u l-modernità.

Iżda l-ferrovija xi kultant intużat għal skopijiet ħżiena. Il-ferroviji għenu fl-isfruttament tar-riżorsi kolonjali. Il-ferroviji ttrasportaw truppi matul il-gwerer. L-agħar atroċitajiet ferrovjarji huma assoċjati mal-użu ta' vaguni tal-baqar għad-deportazzjoni ta' miljuni ta' Lhud Ewropej matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Wara l-gwerra, il-ferrovija saret mezz ta' trasport li stimula t-turiżmu u l-mobilità madwar l-Ewropa kollha, u b'hekk akkumpanja proċessi ta' integrazzjoni Ewropea u ta' Ewropizzazzjoni.  Meta ġiet ivvintata, il-ferrovija kienet tissimbolizza l-aċċellerazzjoni tas-soċjetà, iżda llum, bil-maqlub ta' dak iż-żmien, saret tissimbolizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-pass mgħaġġel u nsibu aktar mezzi sostenibbli ta' vjaġġar.

Illum il-kwistjoni tal-libertà tal-moviment, u l-ivvjaġġar bejn il-fruntieri għadha rilevanti ħafna, meta wieħed iqis, pereżempju, il-kontrolli fil-fruntieri matul il-pandemija tal-COVID-19, u t-tħassib nazzjonali dwar l-immigrazzjoni li kkontribwixxa għas-sentiment reċenti kontra l-UE. B'mod speċifiku, il-ferroviji huma topiċi bħala kwistjoni politika, fl-ambitu ambjentali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, dak ekonomiku biex jinġarru l-oġġetti u l-ħaddiema bejn il-fruntieri, u kulturali biex iż-żgħażagħ jiksbu perpspettivi usa' matul is-snin formattivi tagħhom.