Back to top

L-euro (€) jagħlaq 20 sena!

Il-munita komuni Ewropea, l-euro, dalwaqt tagħlaq 20 sena u biex tiċċelebra dan l-anniversarju Dar l-Istorja Ewropea se tospita ġabra ta' 15-il oġġett mogħti mill-Bank Ċentrali Ewropew.

L-oġġetti, li jmorru lura għall-perjodu 2001-2002, jinkludu karta tal-flus ta' €20 iffirmata minn Wim Duisenberg, l-ewwel President tal-Bank Ċentrali Ewropew, u jinsabu għall-wiri f'vetrina fl-ewwel sular tal-mużew.

Fl-1 ta' Jannar 2002 seħħet l-akbar bidla tal-flus fl-istorja, jiġifieri l-introduzzjoni tal-karti tal-flus u tal-muniti tal-euro fil-ħajja ta' kuljum ta' miljuni ta' ċittadini fi 12-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Iżda dan l-avveniment storiku ma seħħx mil-lum għal għada. Is-sistema tal-Munita Ewropea tnediet fl-1979 u madwar għaxar snin wara ġie introdott perjodu preparatorju fi tliet stadji. Wara għaxar snin oħra ta' tħejjijiet, l-euro ġie varat fl-1 ta' Jannar 1999, u l-ewwel tliet snin intużaw biss għal skopijiet ta' kontabilità u pagamenti elettroniċi - tul dak iż-żmien kienet munita "inviżibbli".

Il-Kunsill Ewropew għażel l-isem tal-munita lejn nofs il-perjodu preparatorju, fl-1995, waqt laqgħa f'Madrid. Is-simbolu € huwa bbażat fuq l-ittra Griega epsilon (Є), l-ewwel ittra fil-kelma "Ewropa," filwaqt li ż-żewġ linji paralleli jfissru stabbiltà.

Illum, l-euro hija l-munita ta' 19-il pajjiż tal-UE u ta' aktar minn 340 miljun Ewropew. Il-karti tal-flus għandhom l-istess disinji fil-pajjiżi kollha taż-żona tal-euro. Il-muniti għandhom disinn komuni fuq faċċata minnhom u disinn speċifiku għall-pajjiż fuq l-oħra.

Ara l-vetrina inti stess, waqt żjara bla ħlas f'Dar l-Istorja Ewropea - din tinsab fis-Sala tal-Ħrejjef tal-mużew.

Selection of euro notes and coins
full euro showcase