Back to top

L-Ispazji ta' Esplorazzjoni għall-Familji huma miftuħin is-sajf kollu!

Spazji ta' Esplorazzjoni għall-Familji

Il-Prinċipessa Europa u ħuha Cadmus jiggwidaw lit-tfal waqt esperjenza ta' vvjaġġar fiż-żmien fl-Ispazji ta' Esplorazzjoni għall-Familji. Il-Perkors ta' Esplorazzjoni u l-Passaporti jippermettu lit-tfal jinteraġixxu b'mod kreattiv ma' Dar l-Istorja Ewropea. L-Ispazji huma mmirati lejn tfal ta' bejn sitta u għaxar snin u jinsabu f'erba' sulari tal-mużew. Dawn jinkludu oġġetti maħsuba apposta biex jinqabdu bl-idejn, postijiet tal-votazzjoni ta' livell teknoloġiku baxx u logħob interattiv, f'interkonnessjoni mal-kollezzjonijiet li jinsabu għall-wiri.

Attivitajiet attraenti

Diversi attivitajiet jippreżentaw sfida għat-tfal u jħeġġuhom gentilment jistħajlu lilhom infushom minflok in-nies li jidhru fil-wirjiet u jirriflettu dwar kif ħafna kwistjonijiet għadhom rilevanti sal-lum. L-ambjenti u l-attivitajiet jippermettu lil gruppi żgħar ta' familji viżitaturi jiddjalogaw u jinteraġixxu dwar l-oġġetti u l-ideat li jkunu ltaqgħu magħhom fil-galleriji.

L-Ispazji ta' Esplorazzjoni għall-Familji jippermettu wkoll lill-viżitaturi ż-żgħar jiddevertu waqt iż-żjara tagħhom. Il-familji huma mistiedna jxommu, imissu u jgħixu l-istorja bħal qatt qabel hekk kif jiskopru l-imgħoddi tal-Ewropa. L-attivitajiet jinkludu logħba tar-rwoli li tinvolvi aġenzija tal-ivvjaġġar tas-sittinijiet, gallerija tal-kostumi u riflessjoni dwar kif ir-robots u s-sottomarini se jibdlul d-dinja li ngħixu fiha.

Ħinijiet tal-ftuħ

L-Ispazji issa huma kompletament miftuħin matul il-ħinijiet tal-ftuħ normali tal-mużew. L-attivitajiet iffaċilitati bħalma huma s-sessjonijiet ta' tiġrib tal-kostumi u l-logħba tar-rwoli fl-aġenzija tal-ivvjaġġar isiru:

Nhar ta' Erbgħa bejn is-14:00 u l-17:00;

Nhar ta' Sibt u nhar ta' Ħadd bejn l-10:30 u l-11:30 u bejn is-14:00 u l-17:00.