Back to top

In Memoriam: il-Professur Włodzimierz Borodziej (1956-2021)

Dar l-Istorja Ewropea tilfet wieħed mill-missirijiet fundaturi tagħha. Il-Professur Włodzimierz Borodziej, li miet fit-12 ta' Lulju, kien storiku eminenti u eċċellenti tal-istorja reċenti tal-Polonja u tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Għal żmien twil ħadem bħala professur tal-istorja fl-Università ta' Varsavja, u ngħaqad mal-proġett ta' Dar l-Istorja Ewropea biex iservi fil-Kumitat tal-Esperti inkarigat mit-tfassil tal-ambitu narrattiv tal-mużew, jew aħjar "Il-Bażi Kunċettwali ta' Dar l-Istorja Ewropea". Bejn l-2009 u l-2019 kien il-President tal-Kumitat Akkademiku ta' Dar l-Istorja Ewropea, wieħed miż-żewġ korpi governattivi tal-mużew, li ssorvelja l-iżvilupp, il-ftuħ u l-ewwel snin tal-mużew. Il-Professur Borodziej ġab miegħu l-għarfien u s-sensibbiltajiet partikolari tiegħu fil-mod kif Dar l-Istorja Ewropea ppreżentat il-bdil taċ-ċirkostanzi matul is-seklu 20, speċjalment fir-rigward tal-Ewropa tal-Lvant wara t-Tieni Gwerra Dinjija.

Għal dawk kollha li kienu midħla tal-proġett ta' Dar l-Istorja Ewropea matul is-snin, huwa kien fuq kollox kollega uman u apprezzat. Fi żminijiet reċenti, huwa wera kuraġġ politiku kbir fil-konfront tat-taqlib u l-isfidi f'pajjiżu. Kien raġel ta' integrità u valuri Ewropej li n-nuqqas tiegħu se jinħass ħafna, u li mhux se jintesa.

F'isem il-Bord Amministrattiv, il-Kumitat Akkademiku u t-tim ta' Dar l-Istorja Ewropea, nestendu s-simpatiji u l-kondoljanzi tagħna lill-familja tal-Professur Borodziej.