Back to top

Minn Baghdad għal Brussell: vjaġġ twil qabel jaħdem f'Dar l-Istorja Ewropea

Il-viżitaturi ta' Dar l-Istorja Ewropea jsibu biex jilqagħhom tim tassew uniku u internazzjonali. B'kollox, it-tim jgħodd 34 nazzjonalità u jitkellem 27 lingwa differenti (membru wieħed tat-tim jitkellem b'mhux inqas minn seba' lingwi)! Aqra l-istorja ta' Abbas, l-aħħar membru li ngħaqad mat-tim...

Twelidt u kbirt Baghdad, l-Iraq, fejn studjajt l-Ingliż u l-arti l-università. Fl-2011, sibt xogħol bħala traduttur mal-armata tal-Istati Uniti. F'Lulju ta' dik is-sena, mort noqgħod Ankara, it-Turkija, fejn ħdimt ma' kumpanija fil-qasam tat-traduzzjoni u l-applikazzjonijiet għall-viża. Għal perjodu ta' ħames snin, applikajt għall-asil fit-Turkija, iżda l-applikazzjoni baqgħet tiġi ffriżata. Fl-aħħar, mort ngħix il-Belġju fl-2016 fejn ksibt status ta' residenti permanenti u bdejt infittex xogħol.

Onestament, kont qed infittex kwalunkwe tip ta' xogħol basta l-lingwa li naħdem biha tkun primarjament l-Ingliż! Bdejt immur kors tal-Franċiż mas-Centre Public d'Action Sociale (CPAS) u parti mill-kors kienet tinvolvi li nżuru l-Parlamentarium bħala grupp. Smajthom jitkellmu bl-Ingliż mal-viżitaturi barranin u għedt forsi nista' naħdem hemm. Tarraft b'dan lill-għalliema tagħna Élodie, li marret tistaqsi lil tar-reception, u bl-għajnuna tagħha rnexxieli nikseb l-indirizz tal-posta elettronika tal-aġenzija inkarigata biex timpjega l-persunal li jilqa' lill-viżitaturi fil-mużew.

Applikajt minnufih u mal-applikazzjoni bgħatt is-CV tiegħi u ħmistax-il ittra ta' rakkomandazzjoni mill-Armata tal-Istati Uniti. Kelli żewġ intervisti u issa qed naħdem bħala membru tat-tim ta' Dar l-Istorja Ewropea.

Tassew nirrakkomanda lin-nies jiġu jżuru l-mużew, speċjalment lil dawk li mhumiex Ewropej, għax jiskopru ħafna affarijiet li qatt ma tgħallmu l-iskola. Pereżempju, il-parti "L-Ewropa: Ħerba Sħiħa" li tinsab fit-tielet sular tuża xbihat li vera jolqtuni. Minn naħa, hemm il-mewt, il-qerda u l-ġuħ taċ-ċittadini, filwaqt li, min-naħa l-oħra, dittaturi bħal Stalin u Hitler donnhom jaġixxu b'impunità.

Għalhekk kuntent ħafna li bdejt naħdem hawn u nittama li se jkolli karriera twila fis-settur tal-mużewijiet fi Brussell. Ħaġa waħda nixtieq, li tal-familja jkunu jistgħu jaslu dalwaqt: għandi żewġt ibniet Retaj u Layla u ili ma narahom minn Novembru 2016.