Back to top

Niddokumentaw is-solidarjetà f'Dar l-Istorja Ewropea

Il-pandemija ta' bħalissa mhix biss emerġenza sanitarja, iżda għandha wkoll impatt soċjali, ekonomiku u kulturali profond. Id-dinja qed tinbidel il-ħin kollu. Sabiex nifhmu kif qed tinbidel irridu nħarsu madwarna bir-reqqa, anke jekk inkunu qed nittawlu mit-twieqi tad-djar tagħna biss.

Meta nittawlu mit-twieqi tal-mużew tagħna, naraw Ewropej f'diffikultà iżda li qed jgħinu u jsostnu lil xulxin; Ewropej mifrudin iżda li qed isibu modi kif jikkomunikaw minkejja t-tbegħid soċjali u l-għeluq tal-fruntieri. Naraw Ewropej li juru solidarjetà, tama u reżiljenza fi żminijiet diffiċli. Ifakkruna fl-istejjer diffiċli li nirrakkuntaw fil-wirjiet tagħna u kif dawn il-kwalitajiet ibbrillaw fl-imgħoddi.

Niddokumentaw is-solidarjetà fl-Ewropa kollha

Dar l-Istorja Ewropea bdiet proġett maħsub biex jiddokumenta r-risposti tal-Ewropej f'termini ta' solidarjetà, tama, bini tal-komunità u kreattività fl-indirizzar tal-pandemija ta' bħalissa, kif ukoll is-sitwazzjonijiet drammatiċi, il-ħtiġijiet u l-emerġenzi li ġabet magħha. Se nkunu qed niġbru l-istejjer, l-oġġetti, l-istampi u l-ħsejjes li se jgħinuna nirrakkuntaw din l-istorja meta "jkun għadda kollox".

Diversi mużewijiet u arkivji diġà ħadu l-inizjattiva li jiddokumentaw il-ħajja ta' kuljum matul din il-pandemija fil-komunitajiet tagħhom. U nittamaw li ħafna oħrajn jagħmlu l-istess. Madankollu, il-komunità li nservu aħna, f'Dar l-Istorja Ewropea, hija l-komunità Ewropea. Aħna nirrakkuntaw stejjer Ewropej. Dan jimmotivana, u fl-istess ħin xi drabi jbeżżagħna. Iżda f'dawn iż-żminijiet strambi u inċerti, hemm storja Ewropea li qed tiżviluppa quddiem għajnejna u hemm bżonn niddokumentawha.

Messaġġi pożittivi

L-istrixxuni bil-qawsalla li qed jagħmlu l-qalb lit-Taljani li "kollox se jkun sew" ("Andrà tutto bene"), issa qed iżejnu t-twieqi u l-gallariji fl-Ewropa kollha, b'lingwi differenti iżda lkoll bl-istess messaġġ ta' tama. Il-messaġġ ta' Smaranda, fir-ritratt t'hawn fuq, huwa wieħed biss mill-eluf ta' eżempji li jistgħu juru kif il-"karattru veru" tal-Ewropej joħroġ fl-agħar mumenti.

Waqt li l-pajjiżi qed jagħlqu l-fruntieri u jħarsu 'l ġewwa, in-nies qed jitħallew fuq naħa jew oħra ta' fruntiera li kienu saħansitra nsew li teżisti. Qed niġbru l-messaġġi ta' ħbiberija u nostalġija li tfaċċaw tul dawn il-fruntieri ġodda u antiki fl-istess ħin: "Stýská se mi po tobě Čechu" ("Nimmissjak, Ċek!") / "I ja za tobą Polaku" ("Nimmissjak ukoll, Pollakk!").

Meta l-provvisti mediċi jkunu skarsi, minn tagħmir protettiv għal ventilaturi li jistgħu jsalvaw il-ħajja ta' persuna, is-sidien ta' stampaturi 3D qed joffru li jipproduċu verżjonijiet orħos u aktar mgħaġġlin li diġà qed isalvaw il-ħajjiet.

Fi żmien it-tbegħid soċjali, mhux faċli tiltaqa'. Iżda fl-Ewropa u fid-dinja kollha qed naraw modi ġodda ta' kif nikkomunikaw u nkunu ma' xulxin: minn telefonati lill-anzjani li jgħixu waħedhom għat-tiftix tat-teddy bears għat-tfal organizzat fit-twieqi tal-ġirien.

Għal dawk li tilfu l-introjtu minħabba l-lockdown, l-istess ġirien qed jorganizzaw opportunità ta' għajnuna reċiproka. It-Taljani jsejħulha "la spesa sospesa": min jista', jagħti; min ma jistax, jieħu!

Kuljum, fit-tmienja ta' filgħaxija, l-Ewropej qed joħorġu jċapċpu fit-twieqi tagħhom biex jonoraw lil dawk li qed jiġġieldu kontra l-virus fuq quddiem nett: il-persunal mediku. Dan hu "pajsaġġ akustiku" Ewropew li se jsir parti mill-wirt tagħna.

Bħalma qal raġel għaqli anzjan fi pjazza enormi vojta dan l-aħħar: "Qegħdin fl-istess dgħajsa, ilkoll kemm aħna fraġli u diżorjentati, iżda fl-istess ħin importanti u neċessarji." Nemmnu li issa l-mużewijiet hemm bżonn jagħmlu dak li jagħmlu l-aħjar: jiddokumentaw u jesibixxu l-istejjer tagħna, filwaqt li jfakkruna fiż-żminijiet diffiċli li diġà ssuperajna u fis-solidarjetà u l-umanità li dejjem għamlu kollox aktar sopportabbli.

Xi jmiss

Jekk tixtieq taqsam magħna l-istejjer, l-oġġetti, l-istampi u l-ħsejjes ta' madwarek bħalissa, ikteb lit-tim tagħna.

Agħfas hawn biex tkompli taqra dwar Make Covid History

Ritratt: Ana-Maria Rampelt