Back to top

Nimmaġinaw l-Ewropa - X'tgħallimna?

Il-passat, x'jista' jgħallimna dwar il-viżjoni tagħna għall-futur?

Dar l-Istorja Ewropea ilha minn Ġunju 2021 tospita sensiela ta' taħditiet online ma' akkademiċi tal-istorja u tax-xjenzi soċjali ta' fama internazzjonali. Intitolati "Nimmaġinaw l-Ewropa", kull taħdita teżamina żvilupp jew tema storika li tista' tgħin biex tillumina aspetti tal-identità/ajiet tal-kontinent, u tipprovdi għarfien dwar l-isfidi attwali. Din is-serje qed tiġi organizzata b'rispons għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFoE), inizjattiva transnazzjonali f'diversi formati mmexxija mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Bil-ħames taħdita li se sseħħ fil-21 ta' Diċembru, qed noqorbu lejn nofs triq ta' "Nimmaġinaw l-Ewropa" li tikkonsisti fi 12-il taħdita.

Fidili għall-ispirtu miftuħ u parteċipattiv tal-CoFoE, qegħdin inxandru kull taħdita b'mod dirett fuq il-kanal tal-YouTube tagħna. B'hekk kemm il-viżitaturi preċedenti kif ukoll l-udjenzi ġodda fl-Ewropa u fi bnadi oħra jingħataw l-opportunità li jressqu mistoqsijiet u kummenti f'ħin reali.

Kif xieraq, is-sensiela ta' taħdidiet tagħna bdiet fit-22 ta' Ġunju b'taħdita minn Ivan Krastev bit-titolu "Kif il-COVID-19 qed ibiddel l-Ewropa kif nafuha." Il-fundatur taċ-Ċentru għall-Istrateġiji Liberali ta' Sofija argumenta li "paradossalment, fil-mument li fih l-Ewropa għalqet il-fruntieri tagħha, tqawwa aktar minn qatt qabel is-sens ta' għajxien f'Ewropa komuni", peress li l-popli fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri bdew iqabblu l-esperjenzi tagħhom tal-pandemija. Filwaqt li ddeskriva l-COVID-19 bħala "l-mument demografiku tal-Ewropa", huwa ddiskuta wkoll kif il-pandemija aġixxiet bħala twissija għall-konsegwenzi potenzjali kkawżati minn popolazzjoni li qed tixjieħ. Meta ġie mistoqsi minn parteċipant dwar l-aspettattivi tiegħu għall-CoFoE, Krastev appella għal diskors aktar ċar minn Brussell, u wieġeb li "Nistgħu nippruvaw nużaw dawn it-taħditiet biex mhux sempliċiment nagħmlu l-affarijiet b'mod differenti, iżda wkoll biex niġġustifikaw il-politiki b'mod differenti... Il-politika mhijiex sempliċiment dak li qed jagħmel il-gvern, iżda hija wkoll il-lingwaġġ li bih huwa jiġġustifika ċerti politiki."

It-tieni taħdita tagħna saret mill-Professoressa Markéta Křížová taċ-Charles University ta' Praga fil-21 ta' Settembru, li fiha ddiskutiet l-impatt tal-kolonjaliżmu fuq l-identità Ewropea. Hija argumentat li l-espansjoni barra mill-pajjiż mis-sekli ħmistax sa tmintax għenet biex toħloq kunċetti ta' superjorità razzista. Il-Professoressa Křížová uriet kif l-esploraturi u l-ħassieba ddefinixxew l-identità Ewropea bħala kultura "ċivilizzata" b'kuntrast mal-istili ta' ħajja allegatament retrogradi u barbariċi tal-popli lokali fl-Amerki u fl-Afrika: "Il-passat kolonjali tal-Ewropa mhuwiex fenomenu li ngħalaq b'mod deċiżiv. Jifforma parti mill-esperjenza Ewropea."

Il-Professur Kerry Brown minn King's College ta' Londra mexxa t-tielet taħdita Nimmaġinaw l-Ewropa tagħna fid-19 ta' Ottubru. Filwaqt li eżamina kif żviluppaw il-Perċezzjonijiet tal-Punent dwar iċ-Ċina matul 800 sena, huwa spjega li "r-relazzjoni hija mibnija fuq storja twila u kumplessa, u waħda li qatt ma nkitbet kif xieraq... Il-proġett tiegħi huwa li nikteb dik it-titwila ġenerali." Il-Professur Brown irrimarka wkoll li l-esperjenzi tal-Ewropa tal-Punent u tal-Lvant maċ-Ċina kienu differenti ħafna minħabba l-legat tal-Komuniżmu.

Meta ġie mistoqsi minn parteċipant dwar kif l-Ewropa tista' tiviluppa relazzjoni produttiva maċ-Ċina, huwa wieġeb li kienu qegħdin jiġu espressi żewġ fehmiet kontrastanti; waħda ta' kummerċ mal-poter u l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, l-oħra dwar il-kundanna tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżviluppi reċenti f'Hong Kong u Xinjiang. Il-koeżistenza ta' narrattiva pożittiva u negattiva tista' tiġi perċepita matul ir-relazzjoni ta' 800 sena tal-Ewropa maċ-Ċina, u l-kuntrasti tfaċċaw proprju minħabba din l-istorja.

Għar-raba' taħdita tagħna fit-23 ta' Novembru, il-Professur Philipp Ther mill-Università ta' Vjenna żviluppa t-tema tal-istorja tar-rifuġjati fl-Ewropa moderna. B'deskrizzjoni dettaljata dwar kif il-vittmi tal-persekuzzjoni politika u reliġjuża ħarbu lejn partijiet differenti tal-Ewropa u tal-Amerika ta' Fuq, ibda mir-rivoluzzjonijiet tas-seklu dsatax sal-kunflitt fil-Jugoslavja, huwa juża bosta studji ta' każijiet bijografiċi biex jagħti l-ħajja lil dawn l-istejjer. Pereżempju, l-awtur Pollakk-Awstrijak-Franċiż u r-"rifuġjat etern" Manès Sperber, kellu jaħrab bosta drabi minn diversi pajjiżi minħabba l-gwerer dinjija u ntbagħat il-ħabs f'żewġ okkażjonijiet. Fir-rakkonti awtobijografiċi tiegħu kiteb dwar kif għall-parti l-kbira ta' ħajtu kellu jiffaċċja l-faqar u l-iżolament: "Fil-waqgħa tiegħi minn saff għall-ieħor, skoprejt li kull waqgħa tiskatta waqgħa oħra, aktar profonda, u li f'qiegħ l-abbiss ma ssib xejn."

Bi tweġiba għal mistoqsija dwar x'jistgħu jitgħallmu dawk li jfasslu l-politika minn approċċi storiċi differenti għall-integrazzjoni, il-Professur Ther sostna li l-investiment fil-lingwa u t-taħriġ vokazzjonali jagħti l-frott u jgħin lir-rifuġjati jsibu impjieg. Madankollu, il-politiki tal-gvern iridu jkunu sostnuti minn azzjonijiet prammatiċi fil-livell tas-soċjetà.

Il-ħames taħdita tagħna li saret fil-21 ta' Diċembru mal-Professoressa Mary Kaldor se tesplora l-istorja ta' kif il-movimenti soċjali immaġinaw ir-rwol tal-UE fid-dinja. Nistidnuk tingħaqad magħna f'dan il-vjaġġ fejn nimmaġinaw il-futur tal-Ewropa billi nagħtu titwila lejn il-passat. X'azzjonijiet se tieħu meta ssib li l-opinjonijiet u s-suppożizzjonijiet tiegħek qegħdin jiġu kkontestati mill-evidenza storika?

Taħdidiet li jmiss

2022-02-15

Milena Dragićević Šešić

Il-Vuċi mis-semiperiferija: Kif nibnu kultura ta' memorja (ġusta) Ewropea fil-futur. Ir-rwol tal-arti kontemporanja

2022-03-22

Heike Wieters

Il-bosta passati u futuri tal-Ewropa

2022-04-19

Gurminder K. Bhambra

Proġett Dekolonjali għall-Ewropa

2022-05-17

Jan Zielonka

L-UE u l-Esperimentazzjoni Demokratika

2022-06-21

Toni Haastrup

Hija possibbli politika barranija femminista għall-Unjoni Ewropea?

2022-07-19

Kalypso Nicolaïdis

Is-suġġett se jiġi kkonfermat fis-7 ta' Jannar