Back to top

Wirja ta' kartelluni: ivvjaġġa tul 100 sena ta' storja Ewropea

Il-viżitaturi ta' Dar l-Istorja Ewropea issa għandhom l-opportunità li jieħdu vjaġġ viżwali tal-aħħar 100 sena tal-istorja tal-kontinent. Jistgħu jagħmlu dan permezz tal-wirja temporanja l-ġdida tal-mużew Meta l-Ħitan Jitkellmu!, li fetħet għall-pubbliku nhar is-Sibt, 30 ta' April.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola inawgurat il-wirja ġurnata qabel, nhar il-Ġimgħa, 29 ta' April, u saret l-ewwel ċittadin prominenti tal-UE li għamlet żjara.

Waqt id-diskors tagħha, il-President Mestola enfasizzat l-poter tal-mezz f'diversi sferi tal-attività tal-bniedem u nnotat li minkejja l-avvanzi teknoloġiċi, din il-poter ma naqasx. Qalet ukoll li waħda mir-raġunijiet li l-kartelluni għad għandhom parti kbira fil-ħajja ta' kuljum tan-nies huwa l-fatt li kull kartellun jirrakkonta storja sħiħa.

"Dejjem hemm storja li nistgħu nirrelataw magħha għax fihom elementi li lkoll jolqtuna fil-laħam il-ħaj," qalet. "Meta dawn l-istejjer sħaħ jitpoġġew maġenb xulxin, joħolqu mużajk ta' xi ħaġa akbar. Jiddeskrivu era, idea, il-formazzjoni ta' ideoloġija. Dan huwa dak li jagħmel lil Meta l-Ħitan Jitkellmu! wirja eċitanti, li tqanqal il-ħsieb," żiedet il-President Metsola.

Hans-Gert Pöttering, President tal-Bord tat-Trustees ta' Dar l-Istorja Ewropea, innota li din hija r-raba' wirja temporanja fl-istorja ta' ħames snin tal-mużew. Qal li d-Dar intlaqgħet bil-qalb mill-pubbliku u mill-pari tal-mużew fis-settur kulturali.

"Dan l-apprezzament huwa marbut mal-indipendenza akkademika tal-mużew. Huwa t-tim kuratorju, f'kooperazzjoni mal-Kumitat Akkademiku tal-mużew u l-bord superviżorju, li jiddeċiedu l-kontenut," żied jgħid.

Jaume Duch Guillot, id-Direttur Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-PE, innota li huwa d-dmir taċ-ċittadini li jitgħallmu mill-istorja u dak tal-Parlament Ewropew li juruha u jirriflettu dwarha mingħajr tabù. "F'dak il-mument biss," qal, "aħna kapaċi nieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-futur tagħna fi proċess demokratiku."

Il-wirja, magħmula minn għażla ta' madwar 150 kartellun u artefatti oħra, hija organizzata f'ħames taqsimiet tematiċi. Meta l-Ħitan Jitkellmu! tintuża wkoll bħala għodda ta' tagħlim għaċ-ċittadini u l-istudenti. Il-workshops fl-iskejjel jintroduċu fl-iskejjel primarji l-istadji importanti tal-Istorja Ewropea filwaqt li l-istudenti tal-iskejjel sekondarji għandhom l-opportunità li jitgħallmu dwar l-Istorja Ewropea permezz ta' kartelluni.

Il-wirja se tibqa' miftuħa għall-pubbliku sal-Ħadd, 13 ta' Novembru.