Back to top

X'inhi l-istorja tiegħek?

Workshop online ma' studenti tal-iskola primarja għall-Jum Internazzjonali ta' Tifkira tal-Olokawst

Ta' Marie-Mathilde Wielgus

Fl-okkażjoni tas-77 anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz, f'dan il-Jum Internazzjonali ddedikat għall-memorja tal-vittmi tal-Olokawst, Dar l-Istorja Ewropea stiednet lill-pubbliku għal wiri online tal-film "Son of Saul" li kien segwit minn diskussjoni, u organizzat workshop online għall-istudenti bit-titolu "X'inhi l-istorja tiegħek?"

Matul l-ewwel sessjoni ta' dan il-workshop, Laurence Bragard, edukatriċi tal-Mużew, ippreżentat Dar l-Istorja Ewropea lil żewġ klassijiet ta' studenti ta' 11-il sena mill-Iskola Ewropea f'Alicante u mill-Iskola Internazzjonali Brittanika fi Brussell, u tkellmet dwar il-mod li bih it-Tieni Gwerra Dinjija u l-memorja tax-Shoah huma eżibiti fil-mużew. X'jista' jiġi eżibit f'"dar" l-istorja Ewropea? It-tfal ma kienux neqsin minn ideat: stennew li jaraw ritratti, uniformijiet, teżori minn pajjiżi Ewropej, armi, ferroviji, tankijiet tal-gwerra. Riedu jisimgħu dwar il-gwerer ċivili, il-kolonizzazzjoni, u s-setgħat Ewropej. Peress li t-tema ta' dan il-workshop iffukat fuq il-memorja tal-Olokawst, it-tfal qasmu dak li diġà kienu jafu dwaru: id-deportazzjoni u l-ġenoċidju tal-Lhud Ewropej, il-kampijiet ta' konċentrament, il-kmamar tal-gass, l-istorja ta' familji separati, oġġetti personali misruqa u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Fil-kollezzjoni tal-mużew hemm oġġett uniku li jgħin biex jagħmel is-suġġett tal-workshop iktar reali: il-kowt ta' Josef. Josef Fränkel huwa l-uniku superstitu tal-Olokawst fil-familja tiegħu. Bintu, l-artista Ritula Fränkel u żewġha Nicholas Morris inkorporaw ritratti u dokumenti mill-ħajja ta' missierha f'kowt, u b'hekk ħolqu opra ta' tifkira, personali u simbolika. It-tfal ġew mistiedna jużaw dan il-kowt bħala mudell, u joħolqu kowt simboliku huma stess u jiddekorawh bi tpinġijiet u ritratti li jispjegaw kif huma jiffaċċjaw iż-żminijiet diffiċli ta' ħajjithom.

Matul it-tieni sessjoni, it-tfal imbagħad ippreżentaw ix-xogħol li għamlu fil-klassi fuq perjodu ta' ġimgħatejn: huma ppreżentaw il-kotba u l-films li kienu qraw jew raw bħala bażi għall-eżerċizzju tal-workshop u ddiskutew kollox fil-klassi. Kull klassi ippreżentat il-kowt tagħha u spjegat kif qassmitu. L-istudenti tal-Iskola Ewropea ta' Alicante pinġew stampi u ddeċidew li jwaħħlu dak kollu li kien għażiż għalihom fuq in-naħa tax-xellug tal-kowt. Fuq in-naħa tal-lemin huma waħħlu x-xewqat tagħhom għall-futur u fuq il-parti ta' wara, waħħlu d-diffikultajiet relatati mal-pandemija u d-distanza li sseparathom mill-familja tagħhom. L-istudenti mill-Iskola Internazzjonali Brittanika fi Brussell ħejjew testimonjanzi bil-miktub, u wara ġabruhom flimkien matul is-sessjoni. Fuq il-kmiem waħħlu l-isfidi personali tagħhom, fuq wara tal-kowt poġġew l-impatt li l-kunflitti storiċi kellhom fuq il-familji tagħhom fl-Indja u fir-Rumanija. Fuq quddiem poġġew materjal dwar il-kriżi tas-saħħa, l-iżolament, l-ilbies tal-maskri li jkopru mhux biss l-uċuħ tagħna iżda wkoll, kif irrimarka student wieħed, "il-personalitajiet tagħna".

Mark Scott, għalliem fl-Iskola Ewropea ta' Alicante, qal li waħda mill-isfidi ta' dan il-proġett kienet biex l-istudenti jsibu l-aspetti pożittivi ta' sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja u biex jirrealizzaw li jekk nirrikorru għal dak li hu għażiż għalina, bħall-familja, il-ħbieb u l-annimali domestiċi, ikun iktar faċli biex dawn l-isfidi jingħelbu. Huwa enfasizza l-importanza tal-kowt ta' Josef li għen biex jippersonalizza l-istorja tal-Olokawst u jagħmilha iktar reali għat-tfal. Beverly Tranter, mill-Iskola Internazzjonali Brittanika fi Brussell, irrapportat li minbarra l-aspett edukattiv ta' dan l-eżerċizzju, it-tfal setgħu jaħdmu fuq l-istat psikoloġiku tagħhom u jlissnu sentimenti profondi u inkwetanti.

Dar l-Istorja Ewropea tirringrazzja lill-istudenti u lill-għalliema tagħhom talli pparteċipaw f'dan il-workshop u fil-kommemorazzjoni ta' dan il-Jum Internazzjonali ddedikat għall-memorja tal-vittmi tal-Olokawst.

Coat with mementoes of concentation camp attached
Children doing interactive lesson