Back to top

IT-TISWIR TAL-EWROPA

MAPPA GĦALL-EWROPA

L-Ewropa fejn tibda, u fejn tispiċċa? Sa mill-eqdem żminijiet ġiet deskritta bħala entità distinta; imsawra kulturalment u storikament – madankollu ġeografikament, l-Ewropa u l-Asja huma kontinent wieħed.

L-interess Ewropew fil-mapep għandu storja twila u varjata li tmur lura għal żmien il-Griegi u r-Rumani. L-iskoperta ta' rotot bil-baħar lejn l-Ameriki fis-seklu 15 biddlet mhux biss il-perspettiva tal-Ewropej tad-dinja magħrufa iżda anke l-mod ta' kif huma jaraw lilhom infushom.

IL-MIT TA' EWROPA

Ewropa, prinċipessa mitika mill-Feniċja (il-Libanu tal-lum) tinħataf mill-alla Grieg Żews, li jidhrilha fis-sura ta' barri abjad. Hu jissaħħar wara s-sbuħija tagħha, u jeħodha fil-gżira ta' Kreta.

L-isem tal-kontinent Ewropew ilu assoċjat ma' dan il-mit minn żmien l-antikità sal-lum. Dan jidher fl-arti, fil-litteratura, fir-reliġjon u fil-politika, fejn l-istorja u l-lingwaġġ figurattiv sikwit jiġu interpretati mill-ġdid biex jirriflettu kwistjonijiet attwali.

WIRT EWROPEW

X'jgħaqqad lill-kontinent flimkien? X'jista' jitqies bħala wirt Ewropew?

L-Ewropa hija aktar mis-somma tal-istorja nazzjonali tal-pajjiżi differenti, iżda hija ċivilizzazzjoni u kultura kkaretterizzata minn tradizzjonijiet u valuri partikolari żviluppati tul l-istorja?

Hemm elementi bażiċi li huma oriġinarjament Ewropej u nfirxu mal-kontinent kollu. Jistgħu dawn jitqiesu bħala l-karatteristiċi li jiddistingwu l-kutura Ewropea? Jekk iva, liema partijiet minn dan il-wirt Ewropew għandna nippreservaw? Xi rridu nbiddlu? X'għandna nikkontestaw?

MEMORJA

Jekk niftakru dak li għaddejna minnu, nistgħu nevitaw li nirrepetu l-iżbalji tal-passat? Il-memorja hija meqjusa essenzjali. Sew għall-individwi u sew għall-gruppi soċjali, il-memorja hija l-bażi tat-tagħlim u tal-għarfien konxju tal-identità tagħhom.

Madankollu, il-memorja hija fenomenu kumpless. Hija selettiva u marbuta b'mod inseparabbli mal-ħila tal-bniedem li jinsa. Il-memorji tagħna huma parti essenzjali mill-istorja u jinfluwenzaw b'mod profond il-preżent u l-futur tagħna. Il-mod kif niftakru l-istess storja jinbidel kontinwament.