L-EWROPA: POTENZA GLOBALI
Is-sejħa għad-demokrazija u s-sovranità nazzjonali, l-espansjoni tal-industrijalizzazzjoni u l-imperjaliżmu, ilkoll jibdlu radikalment il-perkors tal-Ewropa. L-Ewropa tilħaq il-quċċata tal-poter tagħha fid-dinja. Dawn il-bidliet inisslu tensjonijiet soċjali fl-Ewropa tas-seklu 19 – l-impatt tagħhom għadu rilevanti ħafna anke llum.
BIDLA POLITIKA
Is-seklu 19 – era ta' rivoluzzjonijiet! Imnebbħa mir-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789, il-popli tal-Ewropa sfidaw lill-klassijiet aristokratiċi dominanti u ġġieldu għall-iżvilupp tad-drittijiet ċivili u tal-bniedem, id-demokrazija u l-indipendenza nazzjonali.
In-nazzjonaliżmu twieled bħala rivendikazzjoni rivoluzzjonarja bil-wegħda ta' aktar involviment fid-demokrazija għaċ-ċittadini, iżda kien esklużiv u msejjes fuq il-viżjoni ta' dinja magħmula minn territorji nazzjonali abitati minn persuni ta' oriġini etnika simili. Xi viżjonarji Ewropej, madankollu, kienu qed jittamaw li l-kontinent jingħaqad – lil hinn mil-lealtajiet nazzjonali.
Ir-rivoluzzjonarji Ewropej ikkontestaw il-privileġġi aristokratiċi u l-ordni tradizzjonali. B'mod partikolari, ir-rivoluzzjonijiet tal-1848-1849 kienu pass importanti fil-ġlieda għall-ugwaljanza, l-awtodeterminazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem, objettivi li għadhom rilevanti ħafna anke fi żminijietna.
Ir-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789 irrappreżentat żvolta fl-istorja tal-Ewropa. Is-sistemi politiċi eżistenti ħadu daqqa ta' ħarta hekk kif l-ideali ta' "libertà, ugwaljanza u fraternità" nfirxu mal-kontinent kollu. L-attakk tar-rivoluzzjonarji Franċiżi fuq il-ħabs tal-Bastilja f'Pariġi fl-14 ta' Lulju 1789 sar simbolu ċelebri tar-reżistenza kontra l-ħakma korrotta u l-privileġġ aristokratiku.
Il-leġġendi, il-miti u passat glorjuż saru lkoll elementi importanti għall-movimenti nazzjonali li kienu qed jippruvaw isawru identità nazzjonali – identità li kienet immaġinata bħala unika u separata mill-oħrajn. Il-bnadar, l-innijiet u s-simboli kienu ftit biss mill-mezzi użati mill-movimenti nazzjonali biex jiksbu dawn l-għanijiet u jsaħħu l-immaġni tagħhom infushom.
SWIEQ U NIES
L-istim, id-dħaħen, il-fabbriki, l-istorbju – dawn kollha ħabbru l-bidu tar-Rivoluzzjoni Industrijali fil-Gran Brittanja. Imbagħad il-manifattura nfirxet mal-Ewropa kollha, sa livelli differenti, u biddlet il-kontinent fiċ-ċentru dinji tal-industrijalizzazzjoni, il-finanzi u l-kummerċ.
L-innovazzjonijiet teknoloġiċi ġodda taw bidu għall-progress industrijali, waqt li l-istim sar il-mutur tal-iżvilupp tal-industrija tqila. Il-metodi tal-produzzjoni nbidlu għalkollox, u fabbriki kbar b'eluf ta' ħaddiema bdew jipproduċu ammonti kbar ta' merkanzija industrijali u tal-konsum.
Il-ħaddiema fis-seklu 19 kienu ħaddiema bil-paga li la kellhom protezzjoni legali u lanqas sigurtà soċjali. Sikwit kien ikollhom jaħdmu u jgħixu f'kundizzjonijiet imwiegħra. Kien biss fi tmiem is-seklu li l-qagħda tagħhom tjiebet bil-kisba gradwali tad-dritt tal-vot.
Il-kelma Franċiża "bourgeoisie" tiddeskrivi kategorija soċjali ġdida ta' nies li tfaċċat mill-bidliet fis-soċjetà li ġabet magħha r-Rivoluzzjoni Industrijali. Dawn in-nies, ekonomikament indipendenti, edukati u bi drittijiet politiċi li kulma jmur kienu qegħdin jiżdiedu, kienu l-forza mexxejja wara l-bidla ekonomika u politika.
XJENZA U TEKNOLOĠIJA
Il-veloċità, id-dinamiżmu u t-twemmin fil-progress kienu l-elementi karatterizzanti tal-Ewropa fi tmiem is-seklu 19. Il-ferrovija, l-elettriku, iċ-ċinema, il-fotografija u teoriji ġodda fix-xjenza u l-mediċina kkonsolidaw ir-rwol ewlieni tal-Ewropa f'din l-era ta' żvilupp teknoloġiku. Kien il-bidu ta' epoka ta' ottimiżmu.
Il-wasla tal-era tal-ferrovija wriet l-avvanz tal-Ewropa bħala protagonista mondjali indiskussa fil-qasam teknoloġiku. L-industrijalizzazzjoni kibret u l-ivvjaġġar fit-tul sar possibbli għall-klassijiet soċjali kollha.
Issa l-vjaġġi bdew jitkejlu skont il-ħin u l-veloċità, aktar milli skont id-distanza. Il-linji ferrovjarji ħolqu netwerks trans-Ewropej għall-benefiċċju taċ-ċentru tal-kontinent, li issa ġie kkollegat tajjeb ħafna, imma fl-istess ħin żiedu l-iżolament tal-pajjiżi u l-popli tal-periferija.
Il-ferrovija biddlet il-pajsaġġi Ewropej permezz tal-introduzzjoni ta' mini, vjadotti u pontijiet f'postijiet mnejn qabel kien impossibbli li wieħed jgħaddi. Fl-1882 tlestiet u nfetħet il-mina ferrovjarja ta' Gotthard, b'tul ta' 15-il kilometru, li kkollegat it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa. F'dak iż-żmien kienet l-itwal mina fid-dinja. Il-ferrovija ġabet magħha l-ivvjaġġar u t-turiżmu tal-massa.
It-telegrafu kien jippermetti komunikazzjoni kważi istantanja bejn postijiet 'il bogħod minn xulxin. Reat imwettaq f'belt partikolari seta' jiġi rrappurtat malajr f'belt oħra, bħalma setgħu jitħabbru bl-istess ħeffa l-prezzijiet tal-prodotti bażiċi madwar id-dinja. Il-kejbils ta' taħt il-baħar igglobalizzaw il-komunikazzjoni.
Ir-rivalitajiet nazzjonali u t-tensjonijiet internazzjonali ta' tmiem is-seklu 19 kienu jinħassu fil-Wirja Universali tal-1900, bil-wiri ta' armi tal-gwerra u rħula kolonjali. Din ir-rivalità kellha tinfluwenza s-seklu ta' wara b'mod drammatiku.
IMPERJALIŻMU
Fis-seklu 19, l-Ewropa kisbet pożizzjoni dominanti fid-dinja. L-imperi espandew, il-kolonji kibru – kollox imbuttat b'enerġija kbira mir-Rivoluzzjoni Industrijali. Il-kolonji kienu jipprovdu l-materja prima u l-oġġetti lussużi meħtieġa biex tiġi ssodisfata d-domanda tal-konsumaturi, li kulma jmur kienet qed tiżdied. Min-naħa tagħhom, il-kolonji kienu jirrappreżentaw swieq enormi promettenti għall-prodotti Ewropej. L-abbuż u l-inugwaljanza kienu skużati u meqjusa bħala pass neċessarju għaċ-"ċivilizzazzjoni" tal-popli selvaġġi. Forom ġodda ta' intolleranza u razziżmu ħadu post it-tmiem, bil-mod il-mod, tal-iskjavitù.
Sal-1914 madwar 30% tal-popolazzjoni dinjija kienet taħt il-ħakma ta' pajjiżi Ewropej. L-Ewropa kienet ilha sekli sħaħ involuta fl-esplorazzjoni u l-kummerċ f'territorji barranin, iżda l-benefiċċji tar-Rivoluzzjoni Industrijali ppermettew lill-Ewropa ssaħħaħ il-kontroll tagħha fuq kontinenti oħra.
Il-parteċipanti tal-Konferenza ta' Berlin (1884-1885) stabbilixxew ir-regoli bażiċi ta' kif il-kontinent Afrikan kellu jitqassam fost il-potenzi Ewropej, mingħajr ebda kontribut mill-Afrikani nfushom. Sal-aħħar tal-1900 tliet stati biss kienu għadhom indipendenti. Il-potenzi Ewropej qasmu bejniethom il-mappa tal-Asja wkoll.
It-teknoloġija Ewropea l-ġdida ħolqot għodod, bħall-machine guns, li kienu deċiżivi fl-iżvilupp tal-kolonjaliżmu. Ir-reżistenza tal-popli indiġeni, minkejja li l-għadd tagħhom kien ħafna akbar, kienet inutli fil-konfront ta' arma li kienet 50 darba aktar veloċi minn xkubetta normali.
Ċerti popli fl-Ewropa stess kienu meqjusa "inqas evoluti" razzjalment minn oħrajn. Skont dawn il-kunċetti razzisti, dawn is-soċjetajiet normalment kienu jiġu deskritti bħala l-marġni tal-Ewropa, ġeografikament u soċjalment, u kienu sikwit jitqiesu bħala l-antenati ħajjin tar-razez aktar żviluppati tal-Ewropa tas-seklu 19.