Back to top

STQARRIJIET GĦALL-ISTAMPA

Ftuħ tal-wirja temporanja "Żgħażagħ bla kwiet"

1 Mar 2019

Fl-1 ta' Marzu 2019 Dar l-Istorja Ewropea se tiftaħ it-tieni wirja temporanja tagħha, bit-titlu "Żgħażagħ bla kwiet": Int u tikber fl-Ewropa, mill-1945 sal-lum". Il-wirja se tibqa' miftuħa sal-aħħar ta' Frar 2020.

Il-wirja se tesplora l-esperjenzi li jiddefinixxu ż-żgħożija – mill-edukazzjoni, ix-xogħol u s-sejba tal-identità sal-attiviżmu politiku u l-imħabba. Dan tagħmlu billi tagħti ħarsa lejn erba' ġenerazzjonijiet ta' żgħażagħ li saru adulti f'mumenti kruċjali tal-istorja Ewropea: l-aħħar tas-snin erbgħin, is-snin sittin, is-snin tmenin u s-snin elfejn.

Bħall-istorja tat-tfulija wara s-snin sittin, l-istorja taż-żgħażagħ saret is-suġġett ta' riċerka u interess dejjem akbar. Iż-żgħażagħ saru jitqiesu grupp importanti, aktar u aktar għax l-iżviluppi ta' dan l-aħħar, inkluż il-50 anniversarju tal-1968, urew li t-taħlita taż-żgħożija u l-protesta tappella għal kulħadd.

Din il-wirja interattiva se turi lill-viżitaturi li l-istorja taż-żgħażagħ fl-Ewropa mis-snin erbgħin 'l hawn hija waħda ta' rabtiet transnazzjonali, battalja għall-bidla soċjali u libertà individwali akbar, kif ukoll it-tfittxija ta' titjib materjali u espressjoni kulturali miftuħa.

Dawn l-istess forzi sawru wkoll il-proġett Ewropew, u b'hekk il-kundizzjoni taż-żgħażagħ bħala grupp waslet biex titqies bħala indikatur tal-qagħda tal-kontinent. L-impatt tal-qgħad u l-emigrazzjoni fuq iż-żgħażagħ wara l-kriżi ekonomika saru simbolu tal-gravità tas-sitwazzjoni. Fid-dibattitu pubbliku bdiet saħansitra ssir referenza għal "ġenerazzjoni mitlufa" ta' żgħażagħ Ewropej.

"Żgħażagħ bla kwiet" se tieħu perspettiva transnazzjonali biex tesplora kif, f'dawn l-aħħar 70 sena, iż-żgħażagħ ma baqgħux grupp li jsibu ruħhom fl-istorja iżda saru grupp li l-istorja jsawruha.

Dar l-Istorja Ewropea, li tinsab fil-Parc Léopold fil-qalba tal-Kwartier Ewropew, fetħet għall-pubbliku f'Mejju 2017. L-approċċ Ewropew u transnazzjonali tagħha għall-istorja tal-kontinent jagħmilha mużew uniku. Id-Dar tqajjem kuxjenza dwar il-varjetà ta' perspettivi u interpretazzjonijiet tal-passat u l-għan tagħha hu li tħeġġeġ l-iskambju tal-ideat u tistaqsi l-mistoqsijiet, u b'hekk issaħħaħ l-għarfien tal-istorja Ewropea. Il-mużew jiftaħ kuljum, id-dħul huwa b'xejn u l-wirja permanenti tiegħu hija disponibbli b'kull waħda mill-24 lingwa tal-UE.